F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja ftit minuti biss wara li ħarġu l-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-fiduċja u l-kuraġġ li tah. Hu qal li l-Partit Laburista qiegħed jilqa’ r-riultat b’sens ta’ umiltà u sodisfazzjon.
Ir-riżultat tal-elezzjoni tas-Sibt, sostna Joseph Muscat, jikkonferma lill-Partit Laburista bħala l-akbar forza politika tal-pajjiż. Hu qal li l-Partit Laburista mistenni jkun l-uniku Gvern fl-Ewropa li jġib il-maġġoranza assoluta tal-voti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Joseph Muscat qal li żmien il-politika tal-passat issa spiċċa, filwaqt li sostna li l-kunċett ta’ Malta tagħna lkoll huwa wieħed ħaj u b’saħħtu. Il-poplu Malti u Għawdxi ma jridx negattività, sostna l-Prim Ministru, filwaqt li qal l-Oppożizzjoni ma kelliex messaġġ iżda kienet biss negattiva.
Il-karta s-safra ħadha Simon Busuttil, sostna l-Prim Ministru, għaliex il-Partit Nazzjonalista baqa’ mwaħħal fl-istess persentaġġ tas-sena li għaddiet.
Joseph Muscat qal li l-Partit Nazzjonalista ilu mill-2003 ma jġib maġġoranza assoluta tal-voti, filwaqt li l-Partit Laburista rebaħ b’maġġoranza assoluta l-aħħar tliet elezzjonijiet, fl-2009, fl-2013 u dik ta’ nhar is-Sibt li għadda.
Joseph Muscat qal li issa ġie kkonfermat li l-landscape politiku, filwaqt li sostna li l-Partit Laburista ħa l-messaġġ ta’ min ma vvutax u se jkompli jisma’ bla suppervja.
//= $special ?>