Internazzjonali

Kontroversja dwar l-aspett reliġjuż ta’ ‘Ġona u l-Balena’

L-uffiċjali ta’ Hyde Park u Greenwich Park (f’Londra) irrifjutaw li jittella avveniment bit-tema ta’ Ġona – ir-raġel li belgħetu balena, skont il-ġrajja bibblika – minħabba l-element ‘reliġjuż’ involut.

Fil-fatt, mudell sintetiku kbir ta’ balena li jintuża għal waqt id-drammi li jittrattaw l-istorja ta’ Ġona u l-avventuri fuq  il-baħar, spiċċa pprojbit mill-awtoritajiet tar-Royal Parks.

L-uffiċjali, għaldaqstant, ma laqgħux l-applikazzjonijiet għal fun day tat-tfal – bit-tema ta’ Ġona bħala sfond – fl-inħawi ta’ Hyde Park u Greenwich Park, b’din id-deċiżjoni tittieħed xahar biss wara li l-Prim Ministru Britanniku, David Cameron, qal li r-Renju Unit hu pajjiż ‘Kristjan’ li m’għandux għalfejn jiddejjaq juri l-aspett ‘evanġeliku’ li jixhed l-identita reliġjuża tiegħu.

Minkejja li amministrati minn aġenzija tal-Gvern, ir-Royal Parks huma l-proprjeta tar-Reġina Eliżabetta, fir-rwol ta’ Gvernatur Suprem tal-Knisja tal-Ingilterra.

Fl-istess ħin, ir-Reġina hi anki l-padruna tal-Bible Society, entita karitatevoli li applikat biex titħalla torganizza l-fun day inkwistjoni fuq t-tema ‘Ġona u l-Balena’.

Il-Bible Society twaqqfet biex tinkorraġġixi l-qari tal-Bibbja, iżda tinsisti li ma tieħux ħsieb il-promozzjoni tat-tagħlim reliġjuż speċifiku. Intant, l-istess soċjeta qed tmexxi kampanja biex tħajjar lill-ġenituri jaqraw l-istejjer tal-Bibbja lil uliedhom, u bl-iskop li huma jrawwmu ġenerazzjoni ġdida ta’ tfal li jsiru jafu dwar l-istejjer u l-parabboli li huma tant familjari mal-ġenerazzjonijiet ta’ qabel.

Sadanittant, din mhix l-ewwel darba li l-awtoritajiet ta’ Greenwich Park irrifjutaw l-organizzazzjoni ta’ avveniment, bl-iskuża li ‘ma jippermettux il-muntaġġ ta’ drammi ta’ natura reliġjuża’ u fejn kienu qalu li d-deċiżjoni ttieħdet ‘skont ir-regolamenti’.