Il-jum tal-Ħadd ra 20 mit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea jivvutaw, fl-aħħar jum tal-elezzjonijiet għal ħatra tal-membri tal-Parlament Ewropew.
Fost il-pajjiżi li xeħtu l-vot tagħhom matul dan il-jum kien hemm l-Italja, il-Ġermanja, Franza, Spanja u l-Polonja, li bejniethom jirrapreżentaw mat-388 miljun ċittadin Ewropew.
Il-kampanja li wasslet għal dawn il-jiem ta’ votazzjoni kienet miżgħuda bi spekulazzjonijiet, fosthom li t-turnout għal dawn l-elezzjonijiet se jkompli jonqos.
Ir-riżultati tal-elezzjonijiet, li kienu mifruxa bejn il-Ħamis u l-Ħadd, bdew jitħabbru wara l-11 tal-Ħadd filgħaxija, bir-riżultati finali u t-tqassim tas-siġġijiet tal-Parlament mistennija jitħabbru sat-Tnejn filgħaxija.
Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Parlament Ewropew, dawn l-elezzjonijiet se jwasslu wkoll għal ħatra tal-President tal-Kummissjoni Ewropea minn fost rappreżentanti magħżula mill-gruppi parlamentari. Dan meta fil-passat, il-President tal-Kummissjoni kien jintgħażel wara negozjati bejn il-pajjiżi membri.
//= $special ?>