Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-ewwel għadd uffiċjali mill-Kummissjoni Elettorali mistenni joħroġ fis-siegħat bikrin tat-Tnejn

– b’maġġoranza tal-Partit Laburista li mistennija tkun ta’ aktar minn 53%

Il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew li saret is-Sibt, b’maġġoranza assoluta li mistennija tkun ta’ aktar minn 53%. L-ewwel għadd uffiċjali mill-Kummissjoni Elettorali ma kienx mistenni joħroġ qabel is-sigħat bikrin tat-Tnejn.

Il-Partit Nazzjonalista hu proġettat li se jikseb madwar 40% tal-voti – jiġifieri fl-istess ilma ta’ ħames snin ilu, bl-Alternattiva Demokratika u l-partiti l-oħra ż-żgħar bejniethom se jġibu madwar 7%.

Riżultat li juri li d-distakk bejn iż-żewġ partiti, wara l-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra, naqas minn madwar 36,000 għal 32,000, differenza ta’ madwar 4,000 vot.

Madanakollu għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjoni fejn se jmur is-sitt siġġu. Li hu żgur hu li l-Partit Laburista se jkollu 3 siġġijiet, u l-PN tnejn. Ir-riżultat, jekk ikun konfermat, ifisser li l-PN se jġib mal-102,000 u l-PL 134,000 li jkun ifisser tliet kwoti punt sebgħa għall-PL u żewġ kwoti punt tmienja għall-PN.

B’din id-differenza żgħira, biex kull partit jilħaq kwota oħra, se jkun kruċjali kif se jitqassam il-wirt fil-proċess tal-għadd għal min se jieħu s-siġġu kontestat.

Kien ftit qabel is-siegħa ta’ wara nofsinhar, li bħas-soltu, l-partiti kellhom f’idejhom ir-riżultati tal-kampjun li jibdew jiġbru malli jibda l-proċess tas-sorting skont il-preferenzi tal-votanti. Ftit ħin wara, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, miċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, ikkonferma li l-PN baqa’ fl-istess ilma tal-istess elezzjoni ħames snin ilu u qal li l-partit se jkun qed jagħrbel sew dan ir-riżultat.

L-ewwel żewġ kandidati għall-Partit Nazzjonalista huma Roberta Metsola b’madwar 31,400 vot u David Casa, b’madwar 19,800 vot. Wara Metsola u Casa jiġu Francis Zammit Dimech, 9,300 vot, Ray Bugeja bi 8,800 vot, Therese Comodini Cachia bi 8,100 vot u Norman Vella b’7,900 vot.

Jekk nagħtu ħarsa lejn il-voti tal-kandidati tal-PN, skont din il-previżjoni, ir-riżultati se jiġu hekk :-

Ray Bugeja – 8,800 vot
David Casa – 19,800 vot
Therese Comodini Cachia – 8,100 vot
Kevin Cutajar – 5,400 vot
Helga Ellul – 2,900 vot
Stefano Mallia – 6,500 vot
Roberta Metsola – 31,400 vot
Kevin Plumpton – 1,900 vot
Jonathan Shaw – 1,700 vot
Norman Vella – 7,900 vot
Francis Zammit Dimech – 9,300 vot

Dan kollu hu tbassir fuq kampjun ta’ 4,400 vot, voti tal-ewwel count, u jaf ivarja mir-riżultat uffiċjali.

Għall-Partit Laburista, l-ewwel tnejn huma Alfred Sant b’51,800 vot u Miriam Dalli fit-tieni post bi 22,700 vot filwaqt li għall-Partit Laburista wara ż-żewġ frontrunners, jiġu Marlene Mizzi bi 13,700 vot, Joseph Cuschieri b’10,900 vot u Clint Camilleri b’10,700 vot.

B’hekk fuq in-naħa tal-PL, il-kampjun juri hekk : –

Lino Bianco – 7,200 vot
Clint Camilleri – 10,700 vot
Peter Cordina – 1,000 vot
Joseph Cuschieri – 10,900 vot
Miriam Dalli – 22,700 vot
Mario Farrugia Borg – 1,400 vot
Charlon Gouder – 6,200 vot
Ivan Grixti – 1,400 vot
Marlene Mizzi – 13,700 vot
Alfred Sant – 51,800 vot
Deborah Schembri – 4,900 vot
Fleur Vella – 500 vot

Għal darb’oħra, dan kollu hu tbassir fuq kampjun ta’ 4,400 vot u jaf ivarja mir-riżultat uffiċjali.

Min-naħa l-oħra, il-kandidati tal-partiti l-oħra ż-żgħar hu prevvist li jġibu dawn il-voti :-

Għal Alternattiva Demokratika:

Carmel Caccopardo – 1,400 vot
Arnold Cassola – 4,800 vot

Filwaqt li għal Imperium Europa:
Arlette Baldacchino – 300
Antoine Galea – 200
Norman Lowell – 6,400

Wieħed ifakkar li dawn iċ-ċifri huma preliminari, ibbażati fuq il-voti tal-ewwel count u mibnija fuq kampjun, li pero’ hu ta’ min joqgħod fuqu.