Internazzjonali

Lejn sitwazzjoni fejn il-mejtin jispiċċaw bħala ‘sors tal-ikel’

Professur kontroversjali mal-Universita ta’ Stanford, f’California, ħareġ bit-teorija li ż-żieda fil-popolazzjoni tad-dinja tista’, ‘l quddiem, twassal għal sitwazzjoni fejn l-umanita tispiċċa tiekol il-katavri.

Fil-fatt, Paul Ehrlich – li sar magħruf għall-pubblikazzjoni ta’ The Population Bomb, fl-1968 –  qal li x-xejriet tallum li qed jaffettwaw il-popolazzjoni jistgħu jirriżultaw f’sitwazzjoni fejn il-kannibaliżmu jispiċċa ‘fost il-ftit għażliet quddiemna’.

Ehrlich, permezz  ta’ The Population Bomb , kien sejjaħ għall-‘kontroll tal-popolazzjoni’ bħala miżura li kellha tevita sensiela ta’ kriżi fuq livell dinji u li jinkludu l-ġuh tal-massa.
Intant – u wara 46 sena – dan il-professur qed jgħid li d-dinja mill-ġdid qed tiffaċċja l-problemi mit-tkabbir tal-popolazzjoni mingħajr rażan. U filwaqt li Ehrlich, fost oħrajn, qed jixli lill-istampa dwar in-nuqqas ta’ azzjoni, hu qed jagħmilha ċara wkoll li ‘dan kollu jinkwadra f’ċiklu distruttiv u meta kulħadd jeħtieġ li jiekol’

Paul Ehrlich qed isostni li r-riżorsi tant se jsiru skarsi li l-bniedem se jkollu jibdel, drastikament, id-drawwiet tal-ikel minbarra l-policies u l-programmi tiegħu fis-settur tal-agrikoltura.

Dan meta r-riċerkaturi qed jiżviluppaw il-mezzi ġodda biex jipproduċu l-laħam ‘fil-laboratorju’ – b’Mark Post, professur u espert fil-qasam tat-tissue engineering mal-Università ta’ Maastricht (fl-Olanda), jippreżenta diġa l-ewwel hamburger li jibbaża fuq il-proċess speċifiku.
Min-naħa tiegħu, Paul Ehrlich, li kien qed jitkellem fuq il-HuffPost live – network tal-live streaming – qal li ‘s-soċjeta tagħna mhix ‘il bogħod milli tistaqsi jekk hux sewwa li nieklu l-katavri tan-nies li m’għadhomx magħna minħabba li qed inbatu daqshekk ġuħ’.

Hu kompla li l-umanita miexja b’ritmu mgħaġġel f’din id-direzzjoni u meta hu jikkalkula li sa 45 sena oħra, l-popolazzjoni dinjija għandha tiżdied b’xi 2.5 biljuni oħra.