Il-kowċ ta’ Real Madrid, Carlo Ancelotti, qatt ma ddubita mill-kapaċitajiet tat-tim tiegħu li jidħol lura fil-logħba finali tal-UEFA Champions League.
Real għelbu lil Atletico Madrid 4-1 wara l-ħin barrani biex rebħu t-titlu Ewropew għall-10 darba f’Lisbona. Kien Sergio Ramos li xeħet il-logħba fil-ħin barrani fejn imbagħad Gareth Bale, Marcelo u Cristiano Ronaldo skorjaw fil-ħin barrani.
Ancelotti qal li hu dejjem emmen li t-tim kien se jidħol lura fil-logħba u sejjaħ din ir-rebħa ‘ħolma li saret realta”.
‘Sal-aħħar minuti bqajna nemmnu li stajna nġibu d-draw. Tħabatna u rsistejna ħafna u wara l-gowl kollox kien faċli. Hi ħolma li saret realta’. Il-ferħ hu kbir u niddedika din ir-rebħa lill-familja,’ qal il-kowċ Taljan li issa sar it-tieni kowċ li rebaħ din il-kompetizzjoni tliet darbiet.
Sergio Ramos qal li l-gowl li skorja kien l-aktar wieħed importanti fil-karriera u ddedikah lill-partitarji u lill-familja hekk kif Real rebħu l-unur għall-ewwel darba sa mill-2002.
‘Dan hu l-aktar gowl importanti li qatt skorjajt. Is-sodisfazzjon li konna kapaċi nagħtu lill-partitarji kien inkredibbli. Issielitna sat-tmiem. Mhux biss il-gowl tiegħi. Dan jappartjeni lill-partitarji Madrileni kollha, lill-familja u lil dawk kollha li appoġġjawna sal-aħħar. Wara tant snin ta’ stennija kien jimmeritana r-rebħa.
‘Ma nistax nispjega x’ħassejt. Kollox seħħ malajr u għadni ma ġejtx f’tiegħi. Ktibna l-istorja fuq livell massiċċ. Ġibna ċ-Champions League għal kulmin iħobb il-futbol.’
Il-captain Iker Casillas li kellu tort fil-gowl li ġarrbu Real qal li s-suċċess kien aktar importanti milli li jiksbu s-suċċess ma’ Spanja fil-Brażil.
‘Din hi akbar. Hi aktar importanti mit-Tazza tad-Dinja. Ilna snin nistennew. L-10 hu numru perfett. Kultant nitilfu u kultant nirbħu. Din hi l-ħajja.’
Cristiano Ronaldo li bil-penalty li skorja waqqaf rekord ta’ 17-il gowl fil-kompetizzjoni ukoll tenna li Real kienu l-aħjar tim.
‘Kien jimmeritana r-rebħa għaliex lgħabna aħjar. Ma kellhomx ħafna ċansijiet u konna aħjar. Dan hu l-futbol. Hemm partiti li jistgħu jintrebħu fl-aħħar minuti u hekk ġara llum.
L-internazzjonali ta’ Wales Gareth Bale iddedika s-suċċess lill-partitarji u qal li kien riżultat tal-ħolm. ‘Dan hu għall-partitarji kollha li appoġġjawna. Kienet logħba diffiċli u ninsab kuntent ħafna. Hi ħolma li saret realta’. Hi l-ewwel darba li lgħabt fil-final taċ-Champions League u dan hu sorprendenti.’ Anke Luca Modric eks sieħeb ta’ Bale ma’ Tottenham faħħar lit-tim.
‘Ktibna l-istorja u ninsabu kuntenti. F’dan it-tim għandna plejers li jrebbħu l-logħba u ħafna kwalita’ u qatt ma qtajna qalbna
Simeone jammetti li żbalja
Il-kowċ ta’ Atletico Diego Simeone ammetta l-iżball li għamel li beda bi Diego Costa li qal li deher f’kundizzjoni agħar milli kien il-ġimgħa. Il-gowl li skorja Ramos kien inkredibbli u konna ċerti li se nirbħu fil-ħin barrani,’ qal il-Kroat.
‘Kienet responsabbilta’ tiegħi li lagħbtu u ovvjament għamilt żball għaliex kelli nibdlu kmieni. Ovvjament ma kienx tajjeb daqs kemm kien ġurnata qabel. Kienet deċiżjoni li ridt nieħu. {arisna f’għajnejn xulxin u ma ridniex nitilfu ħin mil-logħba bi plejer anqas.
‘Ma nħossnix imdejjaq imma dispjaċut li ma lħqatx l-għanijiet tagħna. Xtaqt li rbaħt imma ma stajtx. Naf biss li ladarba tkun tajt kollox hemm plejers oħra u logħbiet oħra. Fil-ħajja u fil-futbol ikollok kollox f’ġurnata u l-għada ma jkollok xejn,’ qal Simeone li diġa’ ħeġġeġ lill-plejers biex jibdew jaħsbu għal staġun ieħor.
Il-captain ta’ Atletico, Gabi qal li Real kien jimmeritahom ir-rebħa għalkemm stqarr li l-azzjoni ta’ Raphael Varane kienet ‘kerha’ meta xxuttja l-ballun lejn il-bank ta’ Atletico fl-aħħar sekondi tal-ħin barrani. Azzjoni li wasslet biex Diego Simeone ħareġ fil-pitch u mar għal Varane qabel spiċċa mkeċċi. ‘Trid tkun taf kif tirbaħ għalkemm għadu żgħir. Sa fejn naf jien l-inċident jibqa’ fil-pitch imma l-mossa tiegħu kienet kerha.’
Gabi tkellem ukoll b’umilta’ dwar it-telfa. ‘Fil-ħin barrani ma tantx kellna ċansijiet u Real kienu aħjar. Qabel il-ħin barrani Simeone talabna nkomplu naħdmu. Konna ferm viċin li nirbħu l-unur imma t-titlu ma jkunx tiegħek qabel tintemm il-logħba. Tajna kulma kellna u nifraħ lil Real.’
Anke d-difensur Juanfran qal li d-draw ta’ Ramos farrak kollox qabel Real skorjaw tlieta fil-ħin barrani. ‘Kienet finali missielta sal-aħħar. Il-gowl ta’ Sergio Ramos ħolqilna problemi kbar. Kulma fadalli issa hu li nifraħ liċ-Champions u ngħid lill-partitarji tagħna li se niġu lura.’
//= $special ?>

