…il-PN għadu ‘l bogħod milli jkun l-għażla naturali tal-poplu
Ir-riżultat li kiseb il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew hu r-riżultat diżappuntanti li l-Partit Nazzjonalista se jaċċetta b’umilta’. Ir-riżultat juri li l-PN għadu ‘il bogħod milli jkun l-għażla naturali tal-poplu u għalhekk se jirdoppja l-isforzi tiegħu biex jerġa’ jkun il-Partit tal-Poplu. Il-PN m’għandux iħalli lil dan ir-riżultat jaqtagħlu qalbu u se jkompli jaħdem iktar biex jerġa’ jsir il-Partit tan-nies.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN fejn ta’ l-ewwel reazzjoni tiegħu għar-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li saret is-Sibt li għadda. Hu kien akkumpanjat mill-Viċi Kapijiet Mario de Marco u Beppe Fenech Adami, mis-Segretarju Ġenerali Chris Said u uffiċjali tal-Partit kif ukoll mill-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Simon Busuttil beda billi rringrazzja lil dawk kollha li nhar is-Sibt ipparteċipaw f’dan l-eżerċizzju ta’ demokrazija f’pajjiżna. Irringrazzja wkoll lil dawk kollha li taw il-fiduċja tagħhom lil Partit Nazzjonalista. Hu fakkar li f’din l-elezzjoni l-PN kiseb ftit iktar minn 40% tal-voti filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 53% tal-voti. Dan ifisser li l-Partit Laburista kiseb maġġoranza ċara u sostanzjali. Simon Busuttil qal li malli kellu indikazzjoni tar-riżultat, hu ċempel lil Prim Ministru Joseph Muscat u feraħlu.
Dwar min se jikseb is-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew, Simon Busuttil qal li hu ċar li l-Partit Laburista se jikseb tliet siġġijiet u l-Partit Nazzjonalista żewġ siġġijiet. Imma s’issa għadu mhux ċar jekk il-Partit Laburista huma se jżomm ir-raba siġġu jew jekk il-PN hux se jirbaħ it-tielet siġġu. Dan jiddependi minn kif se jintirtu l-voti.
Fl-analiżi tar-riżultat, Simon Busuttil qal li r-riżultat juri li l-Partit Laburista naqqas 2% tal-voti mill-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew li marru fuq il-partiti indipendenti. Il-Partit Nazzjonalista żamm l-istess voti ta’ ħames snin ilu u tas-sena li għaddiet fl-elezzjoni ġenerali.
Simon Busuttil spjega li l-Partit Nazzjonalista beda mill-punt tat-tluq diffiċli tar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tas-sena li għaddiet b’distakk ta’ 36,000 vot. Għalkemm f’din l-elezzjoni l-PN naqqas dak id-distakk bi ftit, xorta għadu ‘l bogħod. Hu fakkar li PN mill-ewwel kien ċar u onest li din se tkun elezzjoni diffiċli. Il-mira tiegħu kienet li għal ewwel darba’ f’10 snin itella’ tliet Deputati fil-Parlament Ewropew imma s’issa għadu mhux ċar jekk hux se jikseb dan ir-riżultat.
Il-Kap tal-PN irringrazzja lil kandidati kollha tal-Partit għall-ħidma u l-lealta’ tagħhom u lil dawk kollha li għenu lil PN f’din l-elezzjoni, inkluż dawk li għadu fis-Sala tal-Għadd tal-Voti.
Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Simon Busuttil qal li l-PN se jindirizza lil madwar 80,000 votant li ma marrux jivvutaw. Din hi għalqa li l-PN se jaħdem fuqha fis-snin li ġejjin. Fakkar li dan l-ammont ta’ votanti jammonta aktar mid-doppju tad-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.
Hu qal li t-triq ‘il quddiem hi li l-PN jerġa’ jinbena mill-ġdid wara l-organizzazzjoni tal-Partit u jkompli jirranġa s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit. Hu qal li l-PN irid ikompli bil-proċess li jerġa’ jibni lilu nnifsu u jekk hemm bżonn anke jibdel l-istil tiegħu. Hu qal li minkejja s-sitwazzjoni diffiċli, se jibqgħu hemm biex iservu lill-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil sellem u rringrazzja lil madwar 10,000 votant li taw il-fiduċja tagħhom lil Partit Nazzjonlaista u qal li l-PN se jibqa hemm għalihom. Hu appella għall-kuraġġ f’dan il-mument diffiċli għall-Partit Nazzjonalista u fakkar li l-affarijiet ma jitranġawx f’sena waħda biss.
//= $special ?>