Nico Rosberg għeleb lil sieħbu tal-Mercedes Lewis Hamilton f’tiġrija missielta sal-aħħar biex rebaħ il-Grand Prix ta’ Monaco.
Hamilton li għadu rrabjat għal dik li qies bħala nuqqas ta’ sportivita’ minn sieħbu li ħadlu l-pole is-Sibt, żamm ferm viċin tiegħu għal parti twila mid-distanza.
Lejn l-aħħar fażi tat-tiġrija l-Brittanniku żamm lura minħabba problema f’għajnejgħ imma rnexxielu jirreżisti għall-isfida ta’ Daniel Ricciardo tar-Red Bull.
Fernando Alonso tal-Ferrari temm ir-raba’ f’tiġrija mwaqqfa darbtejn mis-safety car.
It-tiġrija kienet waħda kwieta imma ħadet il-ħajja lejn l-aħħar dawriet meta Ricciardo sfida lil Hamilton għat-tieni post u serje ta’ inċidenti drammatiċi wasslu biex kien hemm tibdil kostanti fil-pożizzjonijiet ta’ wara.
Kollox beda b’tensjoni kbira bejn Hamilton u Rosberg wara l-kwalifikazzjoni kontroversjali tas-Sibt waqt il-kwalifiki imma Rosberg kien meħlus minn kull akkuża wara investigazzjoni mill-istewards li ġġudikaw l-iżball tiegħu fl-aħħar dawra ta’ kwalifikazzjoni bħala inċident innoċenti.
Rosberg malajr bidel l-ewwel post f’vantaġġ komdu fit-tiġrija wara li l-bidu ħażin ta’ Ricciardo għalaq lil Alonso warajh u wara sieħbu Sebastien Vettel. Raikkonen approfitta minn dan u daħal fir-raba’ post fl-ewwel kantuniera wara Rosberg, Hamilton u Vettel u quddiem Ricciardo u Alonso.
Is-safety car ħarġet għall-ewwel darba fl-ewwel dawra wara li l-McLaren ta’ Jenson Button laqtet lill-Force India ta’ Sergio Perez li spinnja fil-ħruġ mill-kantuniera Mirabeau.
Vettel irtira immedjatament bi problemi fil-makna meta t-tiġrija reġgħet bdiet wara erba’ dawriet u sat-28 dawra, kif inhu tipiku f’Monaco, ma kiens hemm tibdil sakemm fit-28 dawra reġgħet ħarġet is-safety car wara ħabta mis-Sauber ta’ Adrian Sutil.
Hawnhekk kważi l-karozzi kollha ħatfu l-opportunita’ biex jagħmlu pit-stop imma Hamilton instema’ jilmeta mat-tim fuq ir-radio li kien imisshom daħħluh immedjatament meta raw l-inċident minflok ma stennew is-safety car toħroġ.
Meta reġgħet bdiet it-tiġrija fil-31 dawra Rosberg beda jirċievi messaġġi li kien qed juża’ ħafna fuel. Hamilton żamm viċin ħafna tiegħu imma qatt ma pprova jaqbżu u madwar 12-il dawra għat-tmiem, deher jaqa’ lura waqt li nforma lit-tim li ma setax jara minn għajnu x-xellugija.
Imma għalkemm it-tim ipprepara għal pit stop, reġa’ żied il-veloċita’. Fl-aħħar fażijiet Ricciardo resaq ferm viċin Hamilton imma s-sewwieq tal-Mercedes irnexxielu jirreżisti sal-aħħar.
Raikkonen kien it-tielet sal-ewwel pit stop fejn wara ħtieġlu jerġa’ jidħol biex jibdel puncture meta ntlaqat minn Jules Bianchi tal-Marussia u niżel fl-14-il post. Minkejja dan irkupra biex jisfida lil Magnussen għas-seba’ post fl-aħħar fażijiet qabel mossa riskjuża fit-73 dawra u t-tnejn spiċċaw mal-barriera.
Dan wasal biex Magnussen spiċċa fl-10 post u Raikkonen temm fit-12-il post wara li reġa’ kellu jidħol fil-pit.
Kif Spiċċaw
1 N. Rosberg Mercedes
2 L. Hamilton Mercedes
3 D. Ricciarrdo Red Bull
4 F. Alonso Ferrari
5 N. Hulkenberg Force India
6 J. Button McLaren
7 F Massa Williams
8 J. Bianchi Marussia
9 R. Grosjean Lotus
10 K. Magnusson McLaren
Klass Sewwieqa
1 N. Rosberg 122
2 L. Hamilton 118
3 F. Alonso 61
4 D. Ricciardo 54
5 N. Hulkenberg 47
6 S. Vettel 45
7 V. Bottas 34
8 J. Button 31
9 K. Magnusson 21
10 S. Perez 20
Klass Kostrutturi
1 Mercedes 240
2 Red Bull 99
3 Ferrari 78
4 Force India 67
5 McLaren Mercedes 52
6 Williams 52
7 Toro Rosso 8
8 Lotus 6
9 Marussia 4
10 Sauber, Caterham 0