Lokali

Transfer li kkawża umiljazzjoni

L-Uffiċċju tal-Ombudsman, f’deċiżjoni li ta din il-ġimgħa, sostna li l-eks Direttur tal-Infermieri u l-Qwiebel fl-isptar Mater Dei Charmaine Attard sofriet umiljazzjoni, uġigħ u sofferenza u ġiet mittiefsa d-dinjità tagħha meta ingħatat transfer li jmur kontra il-kuntratt tax-xogħol tagħha.

Dan kien żvelat minn The Times of Malta nhar l-Erbgħa li f’artiklu spjega li t-transfer ta’ Attard ingħata taħt Gvern Laburista, fis-16 ta’ Mejju 2013 u Attard intbagħtet Karin Grech.  Il-kuntratt tagħha kien għal tliet snin u kien ġie ffirmat fit-23 ta’ Novembru 2012.

L-artiklu jżid li l-Kummissarju tas-Saħħa fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman qed isostni li Attard għandha terġa’ tingħata l-kariga li kellha u terġa tinħatar Direttur tal-Infermieri u l-Qwiebel.

Wara r-rakkomandazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, Attard bdiet proċeduri legali kontra il-Prim Ministru, il-Ministru tas-Saħħa u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Hi qed titlob lill-Qorti li tintbagħat lura fil-kariga tagħha u tingħata kumpens għad-danni li sofriet.

Il-Kummissarju għas-Saħħa, Charles Messina kkonkluda f’rapport dettaljat li l-awtoritajiet  aġixxew b’mod skorret u li Attard għandha tingħata somma ta’ Є2,000 jekk ma titpoġġiex fil-pożizzjoni oriġinali tagħha.

Fir-rapport, Messina ddeskriva t-transfer bħala demotion. Hu qal li jekk is-servizzi ta’ Attard kienu meħtieġa fl-Isptar Karen Grech, hi kellha tingħata aktar doveri għax il-kariga li ngħatat wara t-transfer setgħet ġiet okkupata minn xi ħadd b’inqas esperjenza maniġerjali minn tagħha.

The Times of Malta rrappurtat li Attard qed issostni li l-eks Kap tal-Ministeru tas-Saħħa, Claudio Tonna kien talabha titlaq mill-kariga tagħha u kien infurmaha li din kienet se timtela’ minn persuna oħra.

Din id-dikjarazzjoni, isostni t-Times ma ġietx miċħuda mis-Segretarju Permanenti, John Rapa li qed jgħid li t-transfer sar minħabba l-esigenzi tas-servizz. Rapa ġie rrapurtat li qal ukoll li kien spjegat diversi darbi lil Attard li t-transfer sar minħabba l-bżonn li tigi mtejba l-kwalità tas-servizzi li jipprovdu l-infermieri.