Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

LIVE: Aġġornamenti mis-Sala tal-Għadd tal-Voti

Komplew jiġu eliminati aktar kandidati
Fl-għaddi ta’ wara, komplew jiġu eliminati mill-proċess aktar kandidati. Fil-5 għadd kienet eliminata Arlette Baldacchino, fis-6 għadd kienet eliminata Fleur Vella (PL) u fis-7 għadd kien eliminat Peter Cordina (PL). Fit-8 għadd, imbagħad, kien eliminat Ivan Grech Mintoff (Alleanza Bidla), biex iktar tard ġew eliminati Kevin Plumpton (PN), Nazzareno Bonnici (Partit tal-Ajkla) u Mario Farrugia Borg (PL).

Ir-4 għadd
Ir-4 għadd ra l-eliminazzjoni ta’ Anthony Calleja tal-Alleanza Bidla u Jean Pierre Sammut tal-Alleanza Liberali. Filwaqt li l-maġġoranza tal-voti ta’ Calleja marru għand il-kandidat l-ieħor tal-AB Ivan Grech Mintoff, il-kumplament tal-voti tiegħu u ta’ Sammut tqassmu bejn il-partiti l-oħra. F’dan l-għadd, il-PN ħa 37 voti u l-PL 44, filwaqt li 44 vot ieħor ma kienux trasferibbli.

It-3 għadd – jibdew jiġu eliminati l-kandidati bl-anqas voti
It-3 għadd ra t-tqassim tal-voti tal-kandidat ta’ Imperium Europa Antoine Galea, li kien l-anqas wieħed li kellu voti. Kif mistenni, il-maġġoranza tal-voti ta’ Galea tqassmu bejn il-kandidati l-oħra tal-istess partit. Madankollu, il-kandidati tal-partiti l-oħrajn ħadu ftit voti bejniethom ukoll. Il-‘wirt’ tal-kandidati tal-partiti ż-żgħar jaf jagħmel id-differenza f’liema partit se jirbaħ is-sitt siġġu f’din l-elezzjoni.

Ir-riżultat tal-‘wirt’ tal-voti ta’ Alfred Sant:
Fl-għeluq tat-2 għadd, li fih tqassmu l-voti żejda tal-eks Prim Ministru Laburista Alfred Sant, il-kandidati Laburisti Miriam Dalli u Marlene Mizzi ħadu l-akbar ammont ta’ voti – 3,453 u 3,237 rispettivament. Clint Camilleri u Joseph Cuschieri wirtu ammont sostanzjali wkoll. Filwaqt li anke kandidati tal-PN ħadu xi voti mill-‘wirt’ ta’ Sant, il-kandidat ta’ Imperium Europa Norman Lowell kiseb 95 vot.

Waqt it-tqassim tal-‘wirt’ tal-voti ta’ Alfred Sant:
Jidher li l-proċess miexi ferm aktar bil-mod minn kif mistenni, hekk kif għadu qed jiġi konkluż dan it-tieni għadd. AD qed jikkontestaw il-mod kif inħadmet il-proporzjonalità għax l-imwejjed ħadmu l-proporzjonalità b’mod individwali u mhux bħala total sħiħ tad-distretti kollha. Dan żgur affettwa lill-AD meta nħadem il-wirt tal voti tal-kandidat Laburista Alfred Sant.

Sadanittant, kollox jindika li l-kandidati Laburista Miriam Dalli u Marlene Mizzi qed ikompli jsaħħu t-tieni u t-tielet post rispettivament fil-lista tal-kandidati Laburisti. Joseph Cuschieri u Deborah Schembri issa qed isegwu.

Fi tmiem l-ewwel għadd:
S’issa hu biss l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant li, bir-riżultat uffiċjali tal-ewwel għadd fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, qata’ l-passaġġ għal Brussell. Għalkemm il-kwistjoni tas-sitt siġġu jidher li fadlilna x’nistennew biex tiġi solvuta, hemm indikazzjoni ċara min se jkunu l-kandidati l-oħrajn taż-żewġ partiti li jistgħu jiġu eletti għax jinsabu fuq quddiem sew fil-voti miksuba.

Għall-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola tinsab qrib ħafna li tkun eletta, hekk kif fl-ewwel għadd kisbet 32,360 vot jew ftit aktar minn 3,600 vot bogħod mill-kwota. Fit-tieni post, skont l-ewwel preferenzi, hemm David Casa, li kiseb 19,582 vot. Jekk jibqa’ jżomm dan il-post, David Casa jkun l-uniku kandidat li jiġi elett fit-tliet elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li saru f’pajjiżna. Wara ż-żewġ MEPs tal-PN jiġu Francis Zammit Dimech, li fl-ewwel għadd kiseb 8,660 u Therese Comodini Cachia, li b’7,859 vot ġabet 13-il vot aktar minn Ray Bugeja, li kiseb 7,846. Wara, qrib mhux ħażin, jiġi Norman Vella, b’7,099 bil-bqija tal-kandidati għandhom inqas minn 5,700 vot.

Għall-Partit Laburista, wara Alfred Sant li kien elett fl-ewwel għadd, l-eqreb kandidat li tiġi eletta hi Miriam Dalli, li kisbet 23,479 vot. Warajha, u pjuttost qrib xulxin b’anqas minn 600 vot bejniethom, hemm Marlene Mizzi li kisbet 14,057 vot u Clint Camilleri li kiseb 13,484 vot. Fl-ewwel għadd, Alfred Sant kiseb total ta’ 48,739 vot u allura kien dikjarat elett mill-ewwel. Hu kien il-kandidat li ġab l-akbar numru ta’ voti f’din l-elezzjoni, iżda r-rekord tal-akbar ammont ta’ voti miksuba f’elezzjonijiet Ewropej f’Malta xorta jibqa’ f’idejn il-Kap tal-PN Simon Busuttil, li ħames snin ilu kien ġab 68,782 vot jiġifieri żieda sostanzjali fuq l-2004, meta saret l-ewwel elezzjoni.

Għal numru ta’ kandidati din kienet it-tieni jekk mhux it-tielet elezzjoni għall-Parlament Ewropew. It-tqabbil fuq bażi individwali mal-ewwel għadd li kisbu ħames snin ilu juri li l-aktar kandidata li tejbet il-wirja tagħha b’mod assolut hi Roberta Metsola, li żidet l-ewwel preferenzi b’aktar minn erba’ darbiet: minn 5,880 vot ħames snin ilu għal aktar minn 32,000 vot din id-darba. L-istess fil-każ ta’ David Casa, li kważi trippla l-ewwel preferenzi meta mqabbel mal-2009: minn 6,500 vot għal aktar minn 19,500.

Min-naħa l-oħra, l-MEPs uxxenti tal-PL, għalkemm għadhom biċ-ċans li jiġu konfermati, sofrew tnaqqis fl-ewwel għadd meta mqabbel ma’ ħames snin ilu. Joseph Cuschieri, li kien il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista naqqas il-voti kważi bin-nofs meta mqabbel mal-2009, għal 10,461, filwaqt li Marlene Mizzi tilfet 3,667 vot meta mqabbel mal-ewwel għadd ta’ ħames snin ilu.

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola żied l-ewwel preferenzi bi ftit għal 5,891, filwaqt li Norman Lowell ta’ Imperium Europa kważi rdoppja l-voti tiegħu meta mqabbel mal-2009: minn 3,559 għal 6,205. Nazzareno Bonnici (Tal-Ajkla) tejjeb il-wirja tiegħu bi 15-il darba fuq l-2009. Iżda minn 80 għal 1,208 vot fl-ewwel għadd, din iż-żieda spettakolari ftit se tagħmel differenza.

F’dak li għandu x’jaqsam mas-sitt siġġu, fl-ewwel għadd is-sitwazzjoni kienet li l-PN ġab żewġ kwoti u 28,827 vot. B’hekk, il-PN jinsab 7,152 vot ‘il bogħod minn kwota oħra biex itella’ t-tielet siġġu. Min-naħa l-oħra, fl-ewwel għadd il-PL ġab total ta’ tliet kwoti u 26,525 vot, jiġifieri jonqsu 9,454 vot għar-raba’ siġġu, meta l-kwota hi ta’ 35,979.