Editorjal

Editorjal: Diżappunt li ma jridx jaqta’ l-qalb

L-elettorat ilbieraħ ikkonferma u żamm tista’ tgħid fl-istess livell – tnaqqis ta’ tnejn fil-mija – il-fiduċja li ta lil-Labour fl-elezzjoni ġenerali ta’ sena ilu. F’demokrazija m’hemm l-ebda swiċċ li meta tixegħlu jdawwar il-fehma tan-nies. In-nies ivvutaw u bagħtu messaġġ li jrid ikun analizzat bir-reqqa. U analiżi trid issir, u bil-kalma.

Minkejja ħafna klijenteliżmu, telf ta’ voti għal-Labour…
Il-Labour uża b’qawwa l-poter tal-gvern stess. Nafu li l-Labour fil-klijenteliżmu m’għandux skrupli u f’dal-jiem erġajna rajna klijenteliżmu li ma jawgura tajjeb xejn għal pajjiż serju. Ittratta wkoll lin-nies bħat-tfal jibgħat iċ-ċekkijiet fl-aħħar ġranet. Minkejja dan, mill-elezzjoni ġenerali l-Labour naqqas madwar 33,000 vot.

… imma wkoll għall-Partit Nazzjonalista
Kważi l-istess tnaqqis imma kellu l-Partit Nazzjonalista; madwar 30,000 vot anqas mill-elezzjoni ġenerali. Hu veru li f’dawn l-elezzjonijiet ikun hemm astensjoni ogħla, biċċa bi protesta u oħra b’apatija, imma wieħed irid janalizza xi jfisser dan it-tnaqqis kumplessiv ta’ 63,000 vot għaż-żewġ partiti l-kbar.

Moviment ta’ madwar 63,000 mill-partiti l-kbar
Għax aktarx se nisimgħu ħafna argumenti dwar il-vot tal-partiti ż-żgħar u x’ifisser. Imma waqt li l-vot tal-partiti ż-żgħar kollha flimkien hu 16,000, il-moviment li sofrew il-partiti l-kbar hu 63,000 vot, bil-Labour ibati kemm kemm aktar.

Analiżi bil-kalma u b’intelliġenza
F’dak li jirrigwarda l-Partit Nazzjonalista, żgur li dan ir-riżultat hu ta’ diżappunt u jrid ikun mifli bir-reqqa imma wkoll bil-kalma. Wara r-riżultat uffiċjali tal-ewwel għadd, wara li jsir magħruf ukoll x’wirt kien hemm tal-voti tal-partiti ż-żgħar u allura min ikun tella’ l-aħħar siġġu, wieħed ikun jista’ jifli b’moħħu aktar milli b’qalbu.

Nifhmu lis-setturi differenti tal-elettorat
U qalbu, il-Partit Nazzjonalista ma jridx jaqtagħha. Jekk wieħed jifli sew ir-riżultat, isib li l-Partit Nazzjonalista ma marx lura. U jrid jifhem, il-Partit Nazzjonalista, il-ħafna setturi differenti tal-elettorat, li mhux kollha bilfors taw l-istess messaġġ.

Il-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni serja u ċara
U jrid jifhem, il-Partit Nazzjonalista, li waqt li l-elettorat jekk tieħdu f’daqqa tkellem ċar u tenna l-vot ta’ fiduċja lill-gvern Laburista, il-pajjiż, demokrazija ħielsa u moderna, għandha bżonn ukoll għażliet differenti u Oppożizzjoni li dak li hu tajjeb tgħidlu tajjeb, dak li hu ħażin tgħidlu ħażin u kif jista’ jsir aħjar.

Minoranza li trid tkun mismugħa u jkollha kull spazju biex tikkonvinċi
Oppożizzjoni li tagħti dar u leħen lill-minoranza sostanzjali ta’ 40% li xorta tħallas it-taxxi, xorta trid tobdi l-liġijiet u li allura trid tkun mismugħa f’demokrazija li tirrispetta l-minoranzi; minoranza li jrid ikollha kull spazju biex tikkonvinċi.