Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Unjoni Ewropea

Il-PPE mistenni jibqa’ l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew

Il-Partit Popolari Ewropew (PPE) mistenni jibqa’ l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew għalkemm il-PPE u anke s-Soċjalisti, il-Ħodor u l-gruppi oħra ewlenin tilfu siġġijiet li ntrebħu minn partiti ewroxettiċi jew tal-lemin estrem. Skont l-aħħar estimi, il-PPE rebaħ 211 siġġu, is-Soċjalisti 193 u l-partiti ewroxettiċi mhux affiljati ma’ grupp politiku kisbu 96 siġġu. Kien hemm tnaqqis għal-Liberali u l-Ħodor b’74 u 58 siġġu rispettivament, filwaqt li kien hemm żieda għall-partiti komunisti u tax-xellug, hekk kif sa issa kisbu 47 siġġu.

Iżda l-aħbar li qed tiddomina hi r-rebħa tal-partiti ewroxettiċi u tal-lemin estrem, bl-UKIP tar-Renju Unit jaqbeż it-tliet partiti tradizzjonali: il-Konservattivi, il-Laburisti u l-Liberal Demokratiċi. Fi Franza, il-partit tal-lemin estrem Front National jikseb 26% tal-voti, segwit mill-Partit tal-UMP b’21% u s-Soċjalisti tal-President Francois Hollande jiddiżappuntaw b’14% tal-voti. Fil-Ġermanja, il-Partit CDU mmexxi mill-Kanċillier Angela Merkel rebaħ l-elezzjoni b’36% tal-voti, segwit mis-Soċjalisti b’27%.

Fl-Italja, il-Partit demokratiku tal-Prim Ministru Matteo Renzi rebaħ 40% tal-voti kontra t-22% tal-Moviment 5 Stelle mmexxi mill-eks komiku Beppe Grillo u s-16% ta’ Forza Italia tal-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi. Fil-Grecja, il-partit tax-xellug estrem Syriza rebaħ l-elezzjoni b’26% tal-voti, segwit mill-Partit Demokrazija Ġdida tal-Prim Ministru Antonis Samaras bi 23%.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-kandidat tal-PPE għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker qal li l-PPE hu fuq quddiem fl-elezzjonijiet madwar l-Ewropa u għaldaqstant hu għandu jkun il-President tal-Kummissjoni Ewropea. S’issa, l-għażla tal-President tal-Kummissjoni Ewropea kienet f’idejn il-Kapijiet tal-Gvern tat-28 Stat Membru wara sigħat twal ta’ negozjati wara bibien magħluqa.

Madankollu, bit-tibdil li daħal fis-seħħ bit-Trattat ta’ Liżbona, il-Kunsill Ewropew xorta jagħżel il-President tal-Kummissjoni Ewropea, iżda issa jridu jagħtu każ ir-riżultat tal-elezzjoni u d-daqs tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.