Qorti

Konfermata deċiżjoni mill-Qorti Kostituzzjonali wara appell li sar mill-AĠ

Il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat parti minn deċiżjoni mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, li kienet iddikjarat li Joseph Lebrun kellu d-drittijiet tiegħu mittiefsa u miksura għal smiegħ xieraq fi żmien raġjonevoli, bi ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. L-Aġent President u l-Imħallef Giannino Caruana Demajo, flimkien mal-Imħallfin Tonio Mallia u Noel Cuschieri, kienu qed jiddeċiedu f’appell li sar kemm mill-Avukat Ġenerali kif ukoll mill-istess Lebrun. Minkejja li ntlaqgħet l-ewwel talba tiegħu dwar ksur ta’ Jeddijiet tal-Bniedem, ma ntlaqgħetx it-tieni talba, li fiha Lebrun qal lil-l-Qorti “tordna t-twaqqif immedjat” tal-proċeduri penali kontrieh.

Il-Qorti tal-Appell qalet li dan il-każ ma jittrattax jekk il-kumpilazzjoni ngħalqitx jew le, iżda jekk il-proċeduri tmexxewx bil-ħeffa u bl-effiċjenza meħtieġa ħalli Lebrun jingħata smiegħ fi żmien raġjonevoli. L-appell qal li biżżejjed wieħed iħares lejn il-lista ta’ seduti kompilata mill-ewwel Qorti, u jara kemm-il seduta nħliet għax fiha ma jsir xejn jew, agħar minn hekk, lanqas biss jidher l-uffiċjal prosekutur, biex tgħid li b’ebda kriterju ma jista’ jingħad li l-proċedura tmexxiet b’ħeffa u b’effiċjenza. Is-sentenza tgħid li l-Avukat Ġenerali qal li l-espert tekniku dam biex wettaq l-inkarigu tiegħu u saħansitra baqa’ ma wettqux għax ma kellux it-tagħrif kollu li kien jeħtieġ. L-Avukat Ġenerali kien imissu għamel dak li kellu jagħmel biex dak it-tagħrif jinġieb inkella, jekk dan ma kienx legalment possibbli, joqgħod mingħajr il-prova relativa.

Ċertament ma jistax iħalli proċeduri pendent jdumu ad aeternum sakemm forsi dik il-prova titfaċċa. Dan in-nuqqas isir aktar gravi meta tqis li l-Qorti lanqas biss kienet mgħarrfa bid-diffikultajiet li kien qed isib l-espert u tħalliet tagħti differiment wara ieħor bħallikieku kollox kien miexi sew. Il-verità hi li daħlet il-prassi ħażina li l-Prosekuzzjoni tmexxi l-każ bil-lajma, kultant tresaq xi xhud, kultant xi prova oħra u kultant lanqas biss tidher għas-seduta bħallikieku din hi biss ħaġa fakoltativa. B’hekk, il-kumpilazzjoni li jmissha tintemm fi żmien ta’ ġimgħat tieħu s-snin.

Kulħadd jaqbel li din hi prassi ħażina, kompliet il-Qorti, u mhux meħtieġ intervent leġislattiv biex tinbidel, iżda xorta jibqa’ jsir l-istess. L-argumenti mressqa mill-Avukat Ġenerali f’dan l-aggravju juru li lanqas dak l-uffiċjal għadu ma jrid jifhem u jammetti li din hi prassi li għandha tinbidel minnufih. Id-deċiżjoni ngħatat fil-każ ta’ Joseph Lebrun, ta’ 55 sena minn Marsascala, u ta’ Martin Dimech, ta’ 53 sena miż-Żejtun. Lebrun kien tressaq il-Qorti fis-6 ta’ Settembru 2005 fuq traffikar ta’ 7kg droga eroina ma’ persuna oħra.

L-att ta’ akkuża kienet ħarġet fit-8 ta’ Lulju 2010, fejn jingħad li d-droga kien fiha purità ta’ 35% u għandha valur ta’ €42,562. Din allegatament kienet saret fid-dar tal-akkużat fiż-Żejtun. Joseph Lebrun kien fetaħ Kawża Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali wara li saru 55 seduta fil-konfront tiegħu u kawżi ma sar xejn, bil-Prosekuzzjoni ttella’ biss seba’ xhieda fil-każ. Il-każ kien kumpilazzjoni fil-Qorti tal-Maġistrati.

Il-Qorti qalet li l-Avukat Ġenerali għandu raġun meta tenna li l-ewwel Qorti żbaljat meta kkundannatu jħallas lil Lebrun €10 kuljum “sal-ġurnata li fiha l-Avukat Ġenerali jippreżenta l-att ta’ akkuża kontra Lebrun, jew jiddikjara li l-każ għandu jinstema’ u jiġi deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali”. Għalhekk, din il-parti tas-sentenza għandha tiġi riformata fis-sens li l-ħlas jibqa’ jsir sa dakinhar li tinħareġ l-att tal-akkuża, iżda dan ma jibdilx il-mertu tas-sentenza. Il-Qorti qalet ukoll li ma taqbilx mal-argument ta’ Lebrun, fejn tassew li min iġarrab ksur ta’ jedd għandu jingħata rimedju li kemm jista’ jkun iqegħdu fil-pożizzjoni li kien ikun fiha li kieku ma ġarrabx dak il-ksur.

F’dan il-każ iżda, li kieku Lebrun ingħata smiegħ fi żmien raġjonevoli, ir-riżultat ma kienx ikun li l-proċeduri kontrieh jitwaqqfu qabel ma jkunu ntemmu. Il-proċeduri f’kull każ iridu jieħdu l-kors tagħhom għax l-istat ta’ dritt irid mhux biss li jitħarsu l-jeddijiet fundamentali, iżda wkoll li min jikser il-Liġi jħallas il-konsegwenzi tal-għemil tiegħu. L-ewwel Qorti ma setgħetx iddawwar lura l-arloġġ u għalhekk, fiċ-ċirkostanzi, ma setgħetx ħlief tagħti rimedju pekunjarju. Il-Qorti iżda ma waqfitx hemm għax tat ukoll rimedju fil-forma ta’ ħlas ta’ penali, bil-ħsieb li l-Avukat Ġenerali ma jkomplix jitnikker u jagħmel dak li għandu jagħmel ħalli l-proċeduri jitwasslu sat-tmiem tagħhom.

L-appell min-naħa ta’ Lebrun fuq dan il-fatt hu għalhekk miċħud.