Kien ftit wara t-8am tal-lum xħin il-Kummissjoni Elettorali ħarġet ir-riżultat uffiċjali tal-elezzjoni ghall-Parlament Ewropew 2014, li saret is-Sibt li għadda. Ir-riżultat uffiċjali tal-ewwel għadd juri li l-Partit Laburista rebaħ din l-elezzjoni bi 53.4% tal-voti, hekk kif kiseb total ta’ 134,462 vot fuq id-distretti elettorali kollha li jiffurmaw lil Malta u Għawdex.
Il-Partit Nazzjonalista ġab 100,785 vot, li jfisser 40.0%, filwaqt li l-AD ġabet 7,418 vot jew 2.9% u l-partiti l-oħrajn iż-żgħar bejniethom ġabu total ta’ 9,186 vot jew 3.6%. B’kollox kien hemm 5,737 vot invalidu, li jfisser li mit-total ta’ 257,588 li tefgħu l-vot tagħhom, il-voti validi kienu jammontaw għal 251,851. B’kollox, bid-dritt għall-vot f’din l-elezzjoni f’dawk li huma votanti reġistrati skont l-aħħar Reġistru Elettorali li ħareg f’April 2014, kien hemm total ta’ 344,374.
Ir-riżultat uffiċjali juri li l-PL rebaħ din l-elezzjoni b’maġġoranza ta’ 33,677 vot fuq il-PN, li jfisser distakk ta’ 13.4% bejn iż-żewġ partiti. Id-distakk ħames snin ilu kien ta’ 35,431 jew 14.3%, jiġifieri naqas b’1,754 jew 0.9%. Sena ilu, fl-elezzjoni ġenerali, id-distakk bejn iż-żewġ partiti kien 35,107 jew 11.5%. Imqabbel mal-istess elezzjoni ħames snin ilu, il-PN żied il-voti b’299 iżda f’termini perċentwali naqqas 0.5%, il-PL naqqas 1,455 vot (tnaqqis ta’ 1.4%), l-AD żiedet il-voti b’1,616 (+0.6%) u l-partiti ż-żgħar bejniethom żiedu l-voti bi 3,222 (+1.2%) fuq l-2009.
Meta wieħed iħares lejn id-distretti wieħed wiehed, bi tqabbil ma’ ħames snin ilu, jsib li l-PL naqqas l-appoġġ fid-distretti kollha, il-PN naqqsu wkoll fid-distretti kollha ħlief fit-tieni distrett u l-AD żieditu kullimkien ħlief f’Għawdex. Fil-każ tal-partiti ż-żgħar, kien hemm żidiet f’kull distrett meta mqabbel ma’ ħames snin ilu.
//= $special ?>