Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia, li hu responsabbli mix-xandir tal-istat, qed jirrifjuta li jagħti d-dettalji dwar minn min kienet magħmula d-delegazzjoni tal-Gvern u l-PBS li attendiet għall-Eurovision 2014 f’Kopenhagen, kemm kienet kbira, ir-rwol li kellu kull wieħed minn dawn il-persuni fid-delegazzjoni u l-ispiża li swew lill-poplu Malti u Għawdxi mill-fondi pubbliċi.
Għal Mistoqsija Parlamentari tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Francis Zammit Dimech, il-Ministru Mallia qal li l-inizjattiva din is-sena ttieħdet b’mod kummerċjali u għalhekk id-dettalji mitluba huma ta’ natura kummerċjali. Iżda, skont Manwel Mallia, l-ispiża kienet anqas mis-snin preċedenti u d-daqs ma kienx akbar mis-snin ta’ qabel. Madanakollu, ir-rapporti li ħarġu fil-media dwar dan, imeru dak li qal Manwel Mallia. Skont dawn ir-rapporti, din il-mawra swiet lill-Kaxxa ta’ Malta bejn wieħed u ieħor €40,000 f’titjiriet u akkomodazzjoni u b’kollox id-delegazzjoni kienet komposta minn 18-il persuna.
Fost l-oħrajn flimkien mal-membri tal-grupp Firelight, kien hemm il-membri magħrufa li kienu parti mid-delegazzjoni Maltija f’Kopenhagen kienu l-Kap Eżekuttiv u ċ-Chairman tal-Bord tad-Diretturi tax-xandir tal-istat, il-Ministru Mallia nnifsu, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Ministeru tieghu u eks ġurnalista tas-Super One Ramona Attard, l-avukat tal-PBS u sid il-kumpanija WE Media Mark Vassallo, li hu wkoll sieħeb fl-uffiċċju legali tal-Ministru Chris Cardona, is-Segretarja tal-Bord Doreen Cortis u l-producers tal-kanzunetta “Firelight” flimkien mal-preżentaturi Rodney u Gordon.
Interessanti wkoll li parti mid-delegazzjoni kienet tinkludi ġurnalist tax-xandir tal-istat akkumpanjat minn cameraman mikri mill-kumpanija WE. Mhux magħruf, fost oħrajn, x’kienu r-rwoli tas-Sindku Laburista taż-Żurrieq Natius Farrugia u ta’ Deo Grech, li hu attivist magħruf fil-kamp Laburista, li wkoll telgħu Kopenhagen u rrapurtaw lis-Super One u lis-sit tal-aħbarijiet tal-GWU mhux lill-istazzjon tal-istat. Skont The Malta Independent, dawn in-nies kollha u oħrajn mhux magħrufa, għax il-Ministru responsabbli mill-istazzjon tal-istat ma jridx jippubblika l-ismijiet, swew mill-anqas €40,000.
Iżda kuntrarju għall-wegħdiet ta’ trasparenza u kontabbiltà li fuqhom il-Partit Laburista ġie elett fil-Gvern, il-poplu m’għandux dritt ikun jaf kif u fejn intefqu dawn il-fondi pubbliċi.
//= $special ?>

