Lokali

Titnieda karta tad-drittijiet u l-obbligi għar-residenti fid-djar tal-anzjani

Ritratt mill-arkivji

Bl-iskop li l-anzjani residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule kif ukoll fi djar tal-anzjani oħra jkollhom l-aqwa kwalita’ tal-hajja, kienet imnedija l-karta tad-drittijiet u l-obbligi tar-residenti fid-djar tal-anzjani.

Id-drittijiet tnedew mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani Justyne Caruana u jaħsbu għad-dinjita’, il-liberta’, is-sigurta’ u l-kwalita’ tal-ħajja fiżika kif ukoll mentali tal-anzjani.

Drittijiet oħra tal-anzjani huma l-liberta’ tal-għażla u l-awtodeterminazzjoni fid-deċiżjonijiet, ir-rispett tal-valuri kulturali, psikoloġiċi, spiritwali u personali tal-anzjani kif ukoll li l-anzjani jkunu eżaminati minn tobba u jkunu infurmati dwar il-kundizzjoni medika tagħhom. Apparti li l-anzjani għandhom jingħataw ukoll kull opportunita’ li jieħdu sehem fl-ippjanar tal-kura medika meħtieġa.

Drittijiet oħra tar-residenti huma li jkollhom aċċess għal kura speċjalizzata għad-dimenzja, li jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tagħhom bħala residenti, li jkunu ħielsa minn abbuż mentali u fiżiku u li jkollhom liberta tal-espressjoni garantita.

Il-Karta tad-Drittijiet tal-Anzjani tiggarantixxi li l-anzjani ma jkunux abbużati mentalment u fiżikament, jingħataw l-assistenza xierqa fit-teħid u l-konsum tal-mediċini u li tkun assigurata l-privatezza waqt żjarat mill-qraba.

F’dawk li huma obbligi, ir-residenti huma obbligati li jirrispettaw id-drittijiet u l-bżonnijiet ta’ persuni oħra li jgħixu fl-istess residenza u li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar imġieba ta’ abbuż meta din tkun osservata.