Lokali Saħħa

Uħud mill-mediċini out of stock jaslu f’Jum il-Votazzjoni għall-Parlament Ewropew

Wara li għal aktar minn sena, ħafna mediċini kienu out of stock, diversi persuni li għamlu kuntatt ma’ MaltaRightNow.com fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet qalu li rċevew telefonati biex jgħidulhom li l-mediċina tagħhom waslet. Ħafna minn dawn it-telefonati saru matul il-jum tas-Sibt, meta pajjiżna kien qed jivvota għall-Parlament Ewropew. Fost dawn il-mediċini kien hemm il-Mezalazin li, kumbinazzjoni jew le, waslet Malta propju is-Sibt li għadda, f’Jum il-Votazzjoni.

Din il-mediċina tittieħed minn persuni li jkollhom problemi fl-imsaren u tiswa €77 kull kaxxa. Persuni li tkellmu magħna qalu li sal-Ħamis li għadda, huma ċemplu lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jistaqsu jekk din il-mediċina kinitx waslet u qalulhom li le. Madankollu, f’Jum il-Votazzjoni, din il-mediċina, li tifforma parti mill-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek mhux talli waslet talli l-pazjenti li huma ntitolati għaliha rċievew telefonata mill-Ispiżerija biex jinfurmawhom li waslet. Dan minkejja li dawn il-persuni rċievew biss terz tal-ammont ta’ pilloli li kienu jieħdu s-soltu, li jfisser li ngħataw biss strixxa waħda ta’ mediċini.

F’kaz ukoll relatat mal-mediċini u propju lejliet l-elezzjoni filgħaxija, stqarrija konġunta bejn l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità tal-Mediċini ħabbret ukoll roħs f’numru ta’ mediċini li jiġu offruti. Dan hu l-ewwel roħs li thabbar kemm ilu fil-Gvern il-Partit Laburista, hekk kif il-mekkaniżmu li permezz tiegħu jonqsu l-prezzijiet tal-mediċini biex jinġiebu fl-istess livell ta’ pajjiżi oħrajn Ewropej kien għadu ma tħaddem qatt minn dan il-Gvern.