Kultura

Wirja artistika fiż-Żurrieq

Il-proġett beda f’ April 2013, meta Ryan Falzon u Sabrina Calleja Jackson avviċinaw lil Kunsill Lokali taż-Żurrieq, u pprononew l-idea tagħhom ta’ art studio li jkun miftuħ għal pubbliku u jintuża biex fih isiru l-esebizzjonijiet tal-arti.  Il-proposta intlaqgħet u l-proġett beda ġewwa il-Mitħna tax-Xarolla fiż-Żurrieq.

Ftit wara li beda l-proġett, Falzon u Calleja Jackson ingħaqdu ma’ tlett artisti żgħażagħ ohra, Sarah Mamo, Sarah Maria Scicluna u Andrea Zerafa u bdew jaħdmu taht l-isem kollettiv ta’ X242.

L-iskop tal-proġett hu l-kollaborazzjoni bejn artisti żgħażagħ, l-interazzjoni ta’ arti kontemporanja fi ħdan kommunitajiet differenti, kollaborazzjoni bejn dixxplini ta’ arti differenti u l-użu ta’ spazji differenti għal esebizzjonijiet.

Il-proġett kollu kellu rispons pożittiv hafna sa issa, u l-attendenza għall-eżebizzjonijiet kienet waħda nkoraġġanti. Sa issa tellajna tlett esebizzjonijiet, tnejn fil-Mitħna tax-Xarolla f’ Lulju u Ottubru 2013, u oħra f’ Novembru 2013 li saret fit-Teatru Salesjan, tas-Sliema.

“Assimilated Spaces” hija l-eżebizzjoni li jmiss fl-ispazju tal-Mitħna tax-Xarolla.

Ix-xogħol li ħa jiġi ppreżentat f’ “Assimilated Spaces”  hu xogħol li sar wara studju ta’ spazji tanġibbli. L-istudju sar permezz ta’ osservazzjoni ta’ spazji u postijiet, uħud identifikati faċilment u oħrajn li jeżistu biss fuq livell immaġinarju. Ħafna mix-xogħlijiet huma riżultati ta’ reazzjonijiet u relazzjonijiet, preżenti jew assenti, li jeżistu f’ kuntest ta’ spazju partikulari.

It-tpinġijiet ta’ Andrea Zerafa, kif ukoll il-pitturi ta’ Ryan Falzon qed juru assimilazzjoni ta’ spazji tangibbli, li qed jiġu ppreżentati hawn b’ forma personali u espressiva. Zerafa se jkun qed juri serje ta’ tpinġijiet żgħar bil-linka li saru kollha fuq is-sit, f’dal-każ fl-Universita’ ta’ Malta. Dawn it-tpinġijiet juru interazzjoni ċara bejn l-spazju ta’ klassi u l-studenti: nistghu ngħidu li dax-xogħol hu interpretazzjoni ta’ mument. Fil-każ ta’ Falzon, l-espressjoni u l-interpretazzjoni personali ta’ spazji huma rikurrenti. Spazji urbani anonimi qed jiġu ppreżentati fuq livell paralell ma’ attivitajiet li jistgħu biss iseħħu f’ambjent mibni mil-bniedem. It-teknika tal-collage u l-binja taż-żebgħa qed jitħaddmu f’armonija biex joħolqu xogħol kulurit, iżda jiskomoda minħabba t-temi li jalludi għalihom, temi bħal bumbardamenti f’Nagasaki u Vietnam, l-aċċidenti tat-traffiku, u s-solitudni perpetwa, fost l-oħrajn.

Sabrina Calleja Jackson se tkun qed tippreżenta żewġ biċċiet xogħol maħdumin biż-żejt. L-ispazju studjat hawn hu aktar fuq livell personali: il-bżieżaq jirrapreżentaw xi ħaġa sabiħa li teżisti biss għal ftit ħin. L-ispazju li fih teżisti, u l-ispazju maqbud ġol-buzzieqa huma preżentati b’mod espliċitu fix-xogħol; hu xogħol nadif ħafna, xoghol maħdum fuq sfond abjad u l-bżieżaq huma mkabbra fuq proporzjon esaġerat, jisirqu l-attenzjoni tal-udjenza.

Ix-xogħol ta’ Gabriel Buttigieg jikkonsisti b’ħames profili tal-istess mudell maħdumin bil-conte, fejn il-personaġġ magħżul qiegħed jagħmel parti mill-ispazju ta’ madwaru. Il-fraġilita’ u l-eleganza tad-disinn, ikomplu jsaħħu din it-tema, hekk kif qiegħda tagħti ħjiel sabiex tingħaqad mal-ispazzju tal-madwar. B’hekk, dawn l-elementi kollha qeghdin jagħtu l-idea, fejn il-mudell qiegħed jiġi proġettat f’ambjent, fi spazju. L-ispazju tal-madwar qed jiġi trattat mil-artist bl-istess attitudni lejn is-suġġett, bit-traskuraġni fil-pinżellati jagħtu xiehda ta’ dan.

Ix-xogħol ta’ Sarah Maria Scicluna ukoll hu esplorazzjoni ta’ forom f’ relazzjoni mal-spazju li qed jeżistu fih, bl-interess ewlieni tagħha jkun il-loghob bil-possibitajiet tal-kompożizzjoni. Ix-xogħol ta’ Scicluna, bħal dak ta’ Calleja Jackson, hu nadif ħafna, xogħol maħdum bit-teknika tas-silk screen.

Il-ftuħ tal-eżebizzjoni se jkun fit-30 ta’ Mejju fis-7.30pm, u hu miftuħ għal pubbliku. L-eżebizzjoni se tibqa’ miftuħa Sibtijiet u Ħdud sal-22 ta’ Ġunju, mid-disgħa sa nofsinhar.  Din l-eżebizzjoni qed tittella’ bl-għajnuna tas-sotto kumitat tal-kultura u turiżmu fi ħdan il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, b’mod speċjali lil Joe D’Amato u l-kuratur tal-mitħna is-Sur George Sammut.