Internazzjonali Knisja

Żjara “suċċess” mill-Papa Franġisku fl-Art Imqaddsa

Iż-żjara tal-Papa Franġisku fl-Art Imqaddsa qed tkun deskritta bħala suċċess għall-impatt li ħalliet fuq il-Lhud u fuq il-Musulmani, apparti l-Insara li kienu r-raġuni ewlenija għaliex għamel dan il-vjaġġ. Matul dan il-vjaġġ ħareġ stedina unika lill-Presidenti ta’ Iżrael u tal-Palestina biex imorru l-Vatikan u jitolbu miegħu. Din l-istedina kienet aċċettata mit-tnejn li huma.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika ħeġġeġ lin-nies ta’ dawn it-tliet reliġjonijiet biex jaħdmu flimkien għall-paċi, hekk kif qabel ma rritorna l-Vatikan dalgħodu żar il-postijiet imqaddsa għal dawn it-tliet reliġjonijiet f’Ġerusalemm. Hu kien wiegħed li matul dan il-pelegrinaġġ ta’ tlett ijiem iżomm ‘il bogħod mill-kwistjonijiet politiċi, iżda ma setax iżomm lura milli jikkundanna l-anti-Semitiżmu, l-intolleranza reliġjuża u dawk wara l-kunflitti fil-Lvant Nofsani.

Matul il-vjaġġ, spikkaw il-waqfiet ta’ talb li għamel il-Papa ma’ żewġ ħitan fix-Xatt tal-Punent li jifred it-territorju minn Iżrael u l-ieħor magħruf bħala l-Ħajt tal-Bikkejja f’Ġerusalemm.