Lokali

Aktar xufiera u ħaddiema li kienu ma’ Arriva Malta jingħaqdu mal-UĦM

It-Taqsima Port u Trasport tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) fi stqarrija qalet li fil-jiem li għaddew aktar xufiera u ħaddiema oħra li qabel kienu jaħdmu mal-kumpanija Arriva Malta komplew jagħtu fiduċja lill-union u daħlu membri fil-UĦM.

Fi stqarrija, il-UĦM qalet li dawn il-ħaddiema mhumiex sodisfatti bin-nuqqas ta’ riżultati li kisbet il-union tagħhom rikonoxxuta sal-lum. Dawn il-ħaddiema qed jilmentaw li matul dawn id-diversi xhur, l-unika ħaga li akkwistaw il-ħaddiema permezz tal-union rikonoxxuta s’issa kien id-dritt tagħhom stess li jitħallsu ta’ xogħol li għamlu fil-festi pubbliċi.

Il-UĦM spjegat li dan hu dritt sagrosant tal-ħaddiema u l-ħaddiema tal-eks Arriva huma diżappuntati li l-GWU qed tiftaħar li akkwistat kundizzjonijiet ta’ xogħol li huma diġà tagħhom u li saħansitra kellhom jistennew xhur biex jitħallsu tagħhom.

Sadanittant, il-ħaddiema eks Arriva huma diżappuntati wkoll li r-rappreżentanti tal-GWU ikunu preżenti biss meta union oħra titlob għar-rikonoxximent, filwaqt li għall-kumplament tal-jiem jew xhur, dawn ir-rappreżentanti jkunu assenti minn mal-ħaddiema.

It-Taqsima Port u Trasport tal-UĦM ilmentat ukoll li l-Management tal-Public Transport irtira d-dritt tal-UĦM li tuża n-notice board tal-kumpanija fuq numru ta’ allegazzjonijet infondati li saru mir-rappreżentanti tal-GWU kontra s-Segretarju tat-Taqsima Port u Trasport Martin Caruana.

Minħabba l-istess allegazzjonijiet u mingħajr l-ebda prova, il-Management tal-Public Transport iffaċilita lill-GWU billi ċaħħad lir-rappreżentanti tal-UĦM milli jiġu rilaxxati ħalli jgħinu lil sħabhom fil-post tax-xogħol.

Din is-sitwazzjoni qed tkun ta’ diskriminazzjoni bejn iż-żewg unions minħabba l-fatt li l-Management tal-Public Transport qed jaġixxi differenti mal-union l-oħra, fejn rappreżentant tal-GWU qed kontinwament jiġi rilaxxat biex jagħmel xogħol tal-GWU.

Intant, il-UĦM tistenna li kemm il-Public Transport kif ukoll il-GWU ma jfixklux l-opportunità li l-ħaddiema juru min verament għandu l-fiduċja tagħhom u li jkun hemm direzzjoni ċara biex isir il-proċess tas-soltu għall-verifika.