Il-kowċ tal-Olanda Louis Van Gaal poġġa lill-organizzaturi Brażil u r-rivali eterni tagħhom l-Arġentina bħala l-akbar favoriti tiegħu li jirbħu t-Tazza tad-Dinja.
Sitt finali tat-Tazza tad-Dinja ntlagħbu fl-Amerika ?entrali jew l-Amerika t’Isfel sa mill-ewwel edizzjoni fl-Urugwaj fl-1930 u kollha ntrebħu minn pajjiżi mill-Amerika t’Isfel.
Waqt li Van Gaal jikkunsidra wkoll iċ-ċansijiet taċ-Champions renjanti Spanja u semma lill-Portugall bħala kontendenti, il-kowċ ta’ 62 sena jemmen li l-Brażil u l-Arġentina huma l-akbar favoriti netti li jkunu nkurunati Champions.
“Il-favoriti huma l-Brażil u l-Arġentina peress li l-istatistika turi li t-tim tal-Amerika t’Isfel dejjem jirbaħ fl-Amerika t’Isfel,” qal Van Gaal waqt konferenza tal-aħbarijiet.
L-Olanda jinsabu fi Grupp B ma’ Spanja, ċ-?ile u l-Awstralja u se jiftħu l-impenji b’dik meqjusa bħala ripetizzjoni tal-final ta’ erba’ snin ilu kontra Spanja fit-13 ta’ Ġunju.
Spanja kienu rebħu 1-0 biex aċċertaw mill-ewwel titlu mondjali tagħhom u Van Gaal insista li ma tantx hemm differenza bejn it-tnejn.
“Spanja hi l-aktar logħba diffiċli. Huma ċ-Champions tad-Dinja u forsi tiftakru li fl-2010 stajna rbaħna. Kieku Arjen Robben skorja dak iċ-ċans, konna nirbħu aħna. Dejjem jiddependi minn ftit tal-fortuna. Naħseb li dejjem għandna ċans għaliex għandna plejers tajbin fl-iskwadra imma normalment Spanja huma aħjar. Spanja huma fl-ewwel post tar-ranking u aħna fl-14-il post. Dejjem diffiċli li tirbaħ lin-numru 1.”
Van Gaal li qed jipprepara lit-tim tiegħu fil-Portugall qal li se tkun diffiċli għall-Portugall li jirbħu l-ewwel Tazza tad-Dinja tagħhom fil-Brażil imma sostna li “jistgħu jirbħu lil kulħadd.”
“Dejjem nemmen li l-Portugall huma sfidanti minħabba per eżempju Cristiano Ronaldo. Jista’ jgħolli l-livell tat-tim. Il-Portugall ukoll għandhom plejers tajbin. Naħseb li jistgħu jirbħu lil kulħadd imma anke jitilfu,” qal il-manager il-ġdid ta’ Manchester United.
Sabella jrid is-semifinali
Il-kowċ tal-Arġentina Alejandro Sabella poġġa bħala l-mira tiegħu is-semifinali fil-Brażil.
Sabella li t-tim tiegħu jinsab fi Grupp F flimkien mal-Bosnia-Herzegovina, n-Niġerja u l-Iran qal li l-fatt li jaslu mal-aħħar erbgħa hu l-minimu li qed jistenna.
“Mhux qed inwiegħed it-Tazza. Qed naħsbu li nistgħu nispiċċaw mal-ewwel erbgħa u rridu aktar. Irridu mmorru aħjar mill-aħħar edizzjoni,” qal Sabella.
L-Arġentina waslu sal-kwarti tal-finali fl-aħħar żewġ edizzjonijiet waqt li l-aħħar titlu mit-tnejn li rebħu wasal fl-1986.
Sabella appoġġja wkoll lil Lionel Messi li qed ikun kritikat għall-wirtjiet bil-flokk nazzjonali.
“Il-lider hu l-captain u dan hu Messi. Kulħadd warajh. Hu l-bandiera tagħna,” qal il-kowċ.
Spanja huma l-aqwa
Il-gowlkiper ta’ Spanja David De Gea ddikjara li ċ-Champions renjanti Spanja għadhom “l-aqwa tim fid-dinja”.
Għalkemm Spanja tilfu l-final tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet 3-0 kontra l-Brażil is-sena l-oħra, it-tim ta’ Vicente del Bosque baqa’ fl-ewwel post tar-ranking sa mill-2010 u De Gea hu wieħed mill-gowlkipers fl-iskwadra li jemmen li jimmeritahom li għadhom fl-ewwel post.
“It-tim hu l-aqwa fid-dinja u nittama li nirbħu t-titlu. Kuntent hawn. Mal-U21 lgħabt futbol tajjeb għal diversi snin u issa ninsab hawn biex nilgħab l-istess mal-aqwa plejers. Kien staġun twil għal ħafna plejer fin-nazzjonal imma xorta għadhom l-aqwa fid-dinja,” qal De Gea li jinsab fl-iskwadra proviżorja ta’ Del Bosque flimkien ma’ Iker Casillas u Pepe Reina u li jfisser li t-tlieta li huma se jmorru l-Brażil.
Rooney u Sturridge fl-attakk
Il-kowċ tal-Ingilterra Roy Hodgson qal li Wayne Rooney u Daniel Sturridge se jkunu qed imexxu l-attakk Ingliż kontra l-Peru f’partita ta’ ħbiberija nhar il-Ġimgħa.
Din se tkun waħda mill-aħħar tliert partiti sperimentali għal Hodgson qabel jiltaqa’ kontra l-Italja fl-ewwel logħba minn Grupp D fl-14 ta’ Ġunju.
Il-kowċ ta’ 66 sena qal li l-attakkanti ta’ Manchester United u Liverpool se jingħataw iċ-ċans li jkunu l-ewwel attakkanti fit-tim.
“Għadna ma rajnihomx flimkien. Rajna ħafna Sturridge-Suarez ma’ Liverpool imma mhux Rooney-Sturridge għaliex ma kellhomx ċans u flimkien. Issa hu ċ-ċans imma se naħdmu wkoll fuq Wellbeck u Lambert,” qal Hodgson.
Capello se jistenna
Il-kowċ nazzjonali tar-Russja Fabio Capello qal li diġa` jaf min huma t-23 plejer li se jieħu miegħu fil-Brażil imma se jistenna sat-2 ta’ Ġunju qabel iħabbar il-lista uffiċjali.
“Kuntent immens bix-xogħol li taw il-plejers kollha li għandi fit-training camp,” qal il-kowċ Taljan wara r-rebħa 1-0 fuq is-Slovakkja.
Il-Kolombja u Falcao
Il-midfielder Kolombjan Abel Aguilar insista li t-tim nazzjonali tiegħu mhux se jkun aktar dgħajjef mingħajr Radamel Falcao jekk dan jonqos milli jirkupra fil-ħin għall-fianli.
L-attakkant ta’ Monaco hu dubjuż wara injury f’irkobbtu li sofra f’Jannar u n-nuqqas tiegħu ikun daqqa ta’ ħarta għal tim meqjus bħala outsider.
Imma l-midfielder ta’ Toulouse Aguilar, qal li dan ma kienx il-każ.
“Falcao hu ikona, plejer eċċellenti u importanti ħafna għat-tim imma x-xogħol u l-progress tagħna hu dovut għall-kollettiv li s’issa qdiena tajjeb,” qal Aguilar.
Il-Kolombja jiltaqgħu kontra l-Greċja, Ivory Coast u l-Ġappun fi Grupp C.
Vetrina għal Remy
L-internazzjonali Franċiż Loic Remy beħsiebu juża’ t-Tazza tad-Dinja bħala vetrina biex jitlaq minn ma’ QPR.
Remy għadda l-aħħar staġun misluf lil Newcastle United u skorja 14-il gowl minn 26 logħba imma għadu indeċiż dwar il-futur.
“It-Tazza tad-Dinja hi vetrina għalija. Newcastle iridu jixtruni. Ma nafx hux se nibqa’ hemm. Ninsab f’sena kruċjali li tista’ tibdilli ħajti. Nittama li t-Tazza tad-Dinja hi l-bidu ta’ xi ħaġa,” qal Remy.
//= $special ?>

