Lokali

Malta issaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Kuwajt

Malta qed issaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Kuwajt bl-iskop li tisfrutta iżjed opportunitajiet fit-turiżmu u fl-avjazzjoni f’dan il-pajjiż fil-Lvant Nofsani.

F’laqgħa li kellu ma’ delegazzjoni mill-Kuwajt, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis spjega li kien reġistrat progress f’dawn l-oqsma filwaqt li fakkar fil-ftehim li kien sar dwar l-avjazzjoni bejn iż-żewg pajjiżi f’Settembru tas-sena li għaddiet.

Edward Zammit Lewis stqarr li s-suċċess li għamlet Malta fl-industrija tal-manutenzjoni tal-ajruplani wassal għal tkabbir ekonomiku u sostna li l-Gvern qed jippjana li jkompli jaħdem biex isaħħah is-settur.

Il-Ministru Zammit Lewis irrefera għal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, kif ukoll għall-qagħda tal-avjazzjoni f’pajjizna filwaqt li żied li Malta qed tkompli tinvesti fir-riċerka u fl-innovazzjoni.

Hu qal li Malta tista’ titgħallem mill-Kuwajt, pajjiż li kiber ferm fl-avjazzjoni. Edward Zammit Lewis reġa’ irrefera għall-ftehim bilaterali tas-sena li għaddiet li ra l-bidu ta’ titjiriet regolari bejn Malta u l-Kuwajt bl-iskop li n-negozju bejn iż-żewġ pajjiżi jissaħħaħ.