Qorti

Missier jibda għaddej ġuri bil-magħluq mixli li stupra lil bintu

Missier ta’ 35 sena beda għaddej ġuri, li qed jinstema’ bil-magħluq, akkużat li stupra lil bintu li fiż-żmien li allegatament seħħ il-każ kellha tmien snin u li llum għandha 16-il sena. Hu qed jiġi mixli b’erba’ Kapi ta’ Akkuża, fosthom li żammha u ssekwestraha kontra l-volontà tagħha u li kkorrompiha. Qed jiġi akkużat ukoll li ġibed filmat tiegħu waqt att sesswali ma’ mara, filwaqt li kien qed iżomm f’idejh tifla ta’ tliet snin. Il-ġuri, li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Michael Mallia, hu dwar każ ta’ stupru li kien seħħ fil-11 ta’ Ottubru 2006.

Dak iż-żmien, il-Pulizija kienu rċievew rapport mingħand omm, li kienet qalet li bintha ġiet stuprata mill-missier. Il-Pulizija u xi social workers kienu tkellmu mat-tifla, li stqarret li f’diversi okkażjonijiet missierha kien jagħmel atti oxxeni fil-preżenza tagħha, fosthom jagħfas il-parti intima tiegħu ma’ tagħha u anke ġieli kellu x’jaqsam magħha. Minħabba li t-tifla kienet tipprova twaqqaf lil missierha għax kien iweġġagħha, jidher li hu kien jissodisfa lilu nnifsu billi jagħmel atti oħra abbużivi u sesswali fil-konfront ta’ bintu.

Sadanittant, waqt li kienet qed issir l-investigazzjoni, il-Pulizija sabet filmat fil-mobile tal-akkużat, li kien inġibed minnu stess f’Awwissu 2006. Fil-filmat, ir-raġel kien jidher involut f’atti sesswali ma’ mara filwaqt li kien qed iżomm lil bintha ta’ tliet snin f’idejh. Dan jidher li ġie kkonfermat ukoll mill-akkużat stess, li qal ukoll li l-mara ma kinitx konxja li kien qed jiġbed il-filmat. Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Assistent Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u l-avukat Nadia Camilleri, qed jakkużaw lir-raġel b’akkużi li kollha jġorru pieni ta’ priġunerija u li wħud minnhom jistgħu jitilgħu wkoll sa 30 sena ħabs f’każ ta’ ħtija.

L-ewwel akkuża hi ta’ stupru u vjolenza fuq minuri li sar minn ġenitur u fuq persuna ta’ anqas minn disa’ snin, bil-piena ta’ priġunerija tvarja minn tliet snin sa 30 sena. It-tieni akkuża hi dwar li ġenitur żamm lil bintu kontra r-rieda tagħha u b’mod illegali f’diversi okkażjonijiet. Barra minhekk, it-tifla kienet suġġetta għal aġir abbużiv minn missierha f’età tenera u għal dan, il-piena tvarja minn minimu ta’ 13-il xahar sa massimu ta’ ħames snin ħabs.

Fit-tielet akkuża, ir-raġel jinsab akkużat bl-atti oxxeni li kien jagħmel fil-konfront ta’ bintu u li jissarrfu f’korruzzjoni fiżika u mentali tat-tifla. Dwar dan, il-piena tvarja minn tliet snin sa mhux aktar minn 12-il sena priġunerija. Fl-aħħar akkuża, ir-raġel jinsab akkużat li kkorrompa tifla ta’ tliet snin u għalhekk il-piena tvarja minn minimu ta’ tliet snin sa massimu ta’ sitt snin.

Minbarra li l-media ma tistax tirrapporta x-xhieda tal-każ, lanqas jistgħu jissemmew isem l-akkużat u l-vittma, kif ukoll isem il-familjari tagħhom, minn liema belt jew raħal ġejjin jew fejn saru l-allegati atti oxxeni. Dan biex tiġi protetta l-identità tat-tifla. Għall-akkużat qed jidher l-avukat Joe Brincat, li flimkien mal-Prosekuzzjoni għamel talba biex il-ġuri jinstema’ bil-magħluq minħabba n-natura tal-każ. Din it-talba ġiet milqugħa mill-Qorti.