Qorti

Mixli li vvinta storja fejn qal li riedu jisirqulu €5,000 meta ssellifhom

Raġel ta’ 29 sena min-Niġer ġie mixli li vvinta storka fejn qal li Taljan, ċertu Salvatore Caschetto għamillu ‘hold-up’ biex joħodlu l-flus, wara li dan l-istess Taljan kien silfu s-somma ta’ €5,000.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Debono, Abubakar Imrahim Jabril wieġeb li mhuwiex ħati li vvinta dawn l-akkużi foloz, bl-iskop li l-Pulizija jieħdu passi kontra persuna nnoċenti.

Hu kien assistit mill-avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace li talab il-ħelsien tiegħu mill-arrest u qal li kien l-akkużat stess li mar jagħmel rapport l-għassa.

Filwaqt li l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Spiridione Zammit ma oġġezzjonatx, iżda għamlet talba lill-Qorti biex tapplika ċerti kundizzjonijiet sabiex ikun hemm is-serħan tal-moħħ. Din it-talba ġiet milqugħa u għalhekk il-Qorti talbet li l-akkużat biex jiddepożita €500 u jagħmel garanzija perosnali ta’ €5,000. Kien hemm ordni wkoll fuq l-akkużat biex ma jkellimx lix-xhieda fil-każ.