Clyde Montesin ta’ 20 sena minn Ħaż-Żabbar u żagħżugħ ieħor ta’ 16-il sena minn Ħal Tarxien kienu mixlijin li nhar it-Tnejn ħebbew għas-Surġent tal-Pulizija Lorna Mifsud u għall-kuntistabbli Joseph Mifsud bil-konsegwenza li anke kkaġunaw ġrieħi ħfief lil Mifsud. Montesin kien mixli wkoll li nstab b’mus tal-molla fuqu li ma kellux permess għalih u li ma riedx jagħtih lill-Pulizija.
Il-każ seħħ nhar it-Tnjen fis-Swieqi meta l-Pulizija daħlulha rapporti li kien hemm xi storbju u għalhekk marru biex jiċċekkjaw. Hemmhekk huma sabu liż-żewġ ġuvintur, flimkien ma’ żewġ tfajliet oħra. Hekk kif il-Pulizija ġibdulhom l-attenzjoni, jidher li ż-żewġ ġuvintur ħebbew għalihom, bil-konsegwenza li kkaġunaw ġrieħi ħfief fuq is-Surġent Lorna Mifsud.
Rappreżentati mill-avukati Mariella Said Casem u Annalise Debono, iż-żewġ żagħażagħr wieġbu li mhumiex ħatjin u għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest. Fil-Qorti kien spjegat li omm l-akkużat li għad għandha 16-il sena tiddependi minn fuq il-benefiċċji soċjali u li dan iż-żagħżugħ għadu ma jaħdimx.
Għalhekk talbu lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras biex tikkunsidra dan fil-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest. Barra minn hekk, fil-każ ta’ Montesin kien spjegat li dan jaħdem bix-xift f’fabbrika u għalhekk talbu biex jiġi kkunsidrat dan ukoll.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Galea Sciberras tathom il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000. Madankollu, għamlitilhom il-kundizzjoni li ma jersqux lejn is-Swieqi u lejn iż-żewġ tfajliet u li jiffirmaw fl-għases rispettivi.
//= $special ?>