Il-Partit Popolari Ewropew (PPE) baqa’ l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew, għalkemm tilef 60 siġġu mill-leġiżlatura li għaddiet. Skont l-ewwel riżultati, kollox jindika li l-PPE ġab 28.4% tal-voti, li jfisser 213 mill-751 siġġu fil-Parlament Ewropew. Min-naħa tagħhom, is-Soċjalisti mistennija jkollhom 190 siġġu (25.3%), filwaqt li l-Liberali ġabu 9% u l-Ħodor 7%.
Il-Grupp Ewroxettiku ġab madwar 38 siġġu, li 24 minnhom ġejjin mill-Partit Ingliż UK Independence Party (UKIP). Fil-fatt, il-UKIP ġab l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjoni fir-Renju Unit, b’total ta’ 27%. Din kienet l-ewwel darba fir-Renju Unit li partit ieħor minbarra l-Konservattivi u l-Labour rebah l-elezzjoni wara li l-Partit Konservattiv tal-Prim Ministru Cameron tilef seba’ siġġijiet. F’messaġġ li ta, Cameron qal li jidher biċ-ċar li l-votanti jinsabu diżillużi mill-Ewropa.
Cameron qal li l-messaġġ wasal u nftiehem, iżda fl-istess waqt qal li r-referendum dwar jekk ir-Renju Unit għandux joħroġ mill-Unjoni Ewropea jew le mhux se jsir qabel l-2017. Riżultat simili ħareġ fi Franza, fejn il-partit tal-lemin estrem Front Nazzjonali, ta’ Le Pen, ġab 25% tal-voti. Dan ifisser li s-Soċjalisti ta’ Hollande waqgħu fit-tielet post b’14 fil-mija wara li fit-tieni post ġie l-Partit taċ-ċentru lemin b’21%. Fid-dawl ta’ dan, il-President Franċiż Francois Hollande qal li l-UE għandha twettaq riformi għax l-UE saret wisq kumplessa.
Fil-Ġermanja, is-CDU ta’ Merkel kiseb vot komdu b’35%. Fl-Italja, il-partit tal-Prim Ministru Renzi ġab vot qawwi ta’ 40%, filwaqt li l-partit tal-eks kummidjant Grillo ġab 21% u l-partit tal-eks Prim Ministru Berlusconi ġab 17%. Fil-Greċja wkoll, ir-riżultat kien sorpriża għax il-partit tal-lemin estrem rebaħ 26% tal-voti, filwaqt li l-Partit tal-Prim Ministru Samaras ġab 23%. Wara dan ir-riżultat, fil-Greċja qed issir pressjoni biex tissejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.
Fil-Belġju, il-Prim Ministru Di Rupo tefa’ r-riżenja tiegħu wara li l-partit tiegħu tas-Soċjalisti sofra telfa kbira fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Riżenja oħra waslet fi Spanja mill-mexxej tas-Soċjalisti, li tefa’ r-riżenja wara li l-partit tiegħu ġab l-agħar riżultat elettorali fl-istorja. Is-Soċjalisti fi Spanja tilfu disa’ siġġijiet f’din l-elezzjoni, filwaqt li l-partit fil-Gvern, il-Partit tal-Poplu, tilef tmien siġġijiet.
Bir-riżultat kif inhu, kollox jindika li l-kandidat tal-PPE Jean Claude Juncker se jkun dak li jieħu post Barroso bħala l-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, l-affarijiet mhumiex daqshekk ċari, tant li anke Merkel għadha ma ddikjaratx b’mod sħiħ li Juncker għandu jkun il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea. Merkel qalet li wieħed irid jara x’appoġġ għandu Juncker mill-gruppi politiċi l-oħra minbarra l-PPE.
Min-naħa tiegħu, Juncker qed jinsisti li la l-PPE rebaħ din l-elezzjoni, m’għandux ikun hemm dubji dwar min se jmexxi l-Kummissjoni Ewropea li jmiss. Issa qed jissemmew persuni oħra li jistgħu jkunu nteressati għal dan ir-rwol, fosthom il-Prim Ministru Daniża Thorning-Shmidt u l-Prim Ministru Fillandiż Katainen.
Minkejja l-vot qawwi favur l-ewro-xettiċi madwar l-Ewropa, fl-aħħar jiem tiegħu bħala President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso nsista li dawk eletti u li huma favur l-UE xorta waħda għandhom maġġoranza b’saħħitha. Skont l-ewwel riżultati, it-turn-out fl-Ewropa kollha għall-elezzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienet qrib ta’ 43%, fl-istess ilma ta’ ħames snin ilu.
Sadanittant, hu mistenni li f’laqgħa li se ssir aktar tard fi Brussell, il-mexxejja Ewropej se jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-ekonomija.
//= $special ?>