Kull min hu midħla tal-Knisja Konventwali Kolleġġjata u Matriċi tal-Birgu, f’dawn l-aħħar disa’ xhur seta’ jinnota li n-niċċa li tinsab eżatt kif tidħol mill-bieb tal-Kolleġġjata u li fiha tinżamm b’tant għożża l-istatwa titulari ta’ San Lawrenz kienet vojta. Dan wara li l-istatwa ta’ San Lawrenz kien meħtieġ li tittieħed għal restawr u fuq inizjattiva tal-Arċipriet u l-Kapitlu tal-Parroċċa ġie deċiż li eżatt wara l-festa tas-sena li għaddiet din tittieħed għal restawr.
Hu mahsub li l-istatwa nħadmet fis-seklu XVI u hi ta’ oriġini Spanjola. Jingħad li din kienet inġiebet minn xi baħrin Spanjoli fil-Belt Marittima Maltija. L-istatwa hi waħda unika f’Malta għax hi mlibbsa lbies naturali. L-alba kienet ġiet irregalata lill-istatwa mill-aħħar Inkwiżitur li kien hawn f’Malta Mons Carpegna f’Ġunju 1798. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija l-Vittorjosani, konxji mill-qilla tal-attakki tal-għadu fuq it-Tlett Ibliet, ħadu l-istatwa ta’ San Lawrenz biex din tinżamm fil-Knisja tal-Benedittini fl-Imdina ħalli din il-ġawhra tant għal qalbhom ma tintilifx.
Fis-snin tal-Gwerra, il-Vittorjosani kienu anke msejjħa jitilgħu r-Rabat u l-Imdina biex fil-jiem tal-festa ta’ San Lawrenz ikunu viċin l-istatwa tal-Patrun. Il-Gwerra għaddiet u l-istatwa nġiebet lura fil-Belt Vittoriosa. Dawk imdaħħlin fiż-żmien jiftakru x’festi kbar kienu saru meta l-istatwa ta’ San Lawrenz twaqqfet mill-Imdina fil-Parroċċa ta’ Bormla u minn hemm, fit-30 ta’ Lulju 1944 inġarret proċessjonalment lejn il-Belt Vittoriosa fost ferħ kbir tal-Vittorjosani li reġgħu laqgħu lura lil San Lawrenz fil-Belt tiegħu.
Sadanittant, issa li l-proċess tar-restawr tlesta, għada filgħaxija se ssir manifestazzjoni bl-istatwa fil-Birgu. L-istatwa se tinġieb b’mod privat fl-Oratorju tal-Kurċifiss, li jinsab biswit il-Parroċċa biex din tkun tista’ tintrama bl-istess mod li tkun armata fil-ġranet tal-Festa. Imbagħad, l-istatwa tinħareġ proċessjonalment mill-Oratorju tal-Kurċifiss lejn Misraħ ir-Rebħa. Fis-6.30pm tibda Quddiesa kkonċelebrata f’Misraħ ir-Rebħa, immexxija mill-Arċipriet u l-Kapitlu tal-Kolleġġjata.
Wara l-Quddiesa, tibda purċissjoni bl-istatwa ta’ San Lawrenz madwar it-toroq tal-Belt Vittoriosa bis-sehem tal-Kapitlu Vittorjosan, fratellanzi kollha tal-Parroċċa u l-Banda Vittorjosana San Lawrenz.
//= $special ?>