Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Roberta Metsola eletta mill-ġdid fil-Parlament Ewropew

Roberta Metsola hi l-ewwel kandidata tal-Partit Nazzjonalista eletta fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u b’hekk saret ukoll l-ewwel MEP mara li ġiet eletta direttament fl-elezzjoni fl-istorja ta’ dawn l-elezzjonijiet f’Malta. Dan hekk kif l-MEPs nisa li Malta kellha kemm ilha membru tal-Unjoni Ewropea, inkluż Roberta Metsola nnifisha, s’issa dejjem ġew eletti b’by-elections minflok MEPs oħrajn.

Fil-każ ta’ Metsola, kienet ġiet eletta wara r-riżenja ta’ Simon Busuttil sena ilu, filwaqt li anke Marlene Mizzi u Claudette Abela Baldacchino telgħu fil-Parlament Ewropew minflok Edward Scicluna u Louis Grech. Kien għall-ħabta tas-6.15am tal-lum, meta fis-16-il għadd Metsola ġiet eletta b’total ta’ 38,442 vot, jiġifieri madwar 2,500 vot aktar mill-kwota. F’dan l-għadd kien imiss li jiġi eliminat Stefano Mallia, kandidat ieħor tal-PN, li kellu 6,865 vot. Meta tqassmu l-voti tiegħu, Metsola wirtet kważi 3,000 vot minnhom biex ġiet dikjarata eletta. Hi kien jonqosha biss 450 vot biex titla’.

Fl-ewwel għadd Metsola kienet kisbet l-akbar ammont ta’ voti minn fost il-kandidati kollha tal-PN (32,360 vot) u kien jonqosha ftit aktar minn 3,600 vot biex tilħaq il-kwota. Dan l-ammont kbir ta’ voti miksubin fl-ewwel għadd fisser ukoll suċċess straordinarju għal Metsola, li tejbet il-wirja tagħha b’mod sostanzjali ħafna fuq ir-riżultat li kienet kisbet ħames snin ilu meta kienet ġabet 5,880 voti tal-ewwel preferenza. Dan juri li din id-darba żiedet l-appoġġ b’aktar minn ħames darbiet.