Qorti

Rumen attakka mara li tgħix fl-istess blokka ta’ appartamenti u kkaġunalha ġrieħi

Rumen ta’ 45 sena residenti f’Buġibba ammetta li nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta tas-1.00 a.m. attakka u ħebb lil Stoika Myleva li tgħix fl-istess blokk ta’ appartamenti fejn joqgħod hu, bil-konsegwenza li kkaġunalha ġrieħi ħfief. Huwa ammetta wkoll li tellef l-mistrieħ tan-nies u kiser il-paċi pubblika.

Florinel Nitu iżda ċaħad li qatt ħebb għal xi uffiċjal tal-Pulizija. Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras għalih deher l-avukat tal-Għajnuna Legali, Simon Micallef Stafrace li talab biex jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Min-naħa tal-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Nicholas Vella dawn oġġezzjonaw bil-qawwa kollha hekk kif qalu li għad hemm żewġ ġirien li għad iridu jixhdu fil-każ. Barra minn hekk, semmew li dan ir-raġel kien għamel xi xahar imfittex mill-Pulizija u għalhekk hemm il-biża’ li jerġa’ jaħrab u jinħeba x’imkien.

Il-Maġistrat Galea Sciberras iżda laqgħet it-talba tad-difiża u tat il-ħelsien mill-arrest lir-Rumen, bil-kundizzjoni li jħallas depożitu ta’ €500 u b’garanzija personali ta’ €5,500.

Barra minn hekk, ordnatlu li ma jistax jinħeba jew li jbiddel l-indirizz tiegħu mingħajr ma jinforma lill-Qorti. Huwa kien ordnat ukoll biex ma jersaqx lejn il-vittma u biex jiffirma kuljum fl-għassa tal-Pulizija tal-Qawra. Il-kaħ ikompli.