Raġel Sirjan ta’ 31 sena residenti l-Ħamrun jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li ġarrab feriti gravi waqt argument li seħħ ilbieraħ filgħaxija fi Vjal ir-Rihan f’San Ġwann. Il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm argument bejn numru ta’ persuni barranin u minnufih marru fil-post diversi membri mill-Korp, li iżda ma sabu lil ħadd.
Aktar tard filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei li kienet iddaħħlet persuna li kellha feriti serji f’rasha, x’aktarx kaġunati minn oġġett iebes. L-ewwel riżultati mediċi wrew li s-Sirjan kien fil-periklu li jitlef ħajtu. Il-Pulizija qed iżżomm żewġ persuni barranin biex jassistuha fl-investigazzjonijiet.
Il-Maġistrat tal-għassa Marsanne Farrugia ordnat inkjesta bl-għajnuna ta’ diversi esperti. L-istħarriġ tal-Pulizija dwar dan il-każ għadu għaddej.
//= $special ?>