Raġel ta’ 32 sena mwieled is-Sirja u residenti l-Marsa jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li sofra feriti gravi meta waqa’ minn għoli ta’ erba’ sulari fi Triq il-Parroċċa, f’Santa Venera. Il-Pulizija kienet infurmata bil-każ għall-ħabta tal-10am tal-lum.
Hekk kif il-Pulizija marret fil-post, ġiet infurmata li l-vittma kien ittieħed l-Isptar Mater Dei biex jingħata l-kura medika kawża tal-feriti serji li ġarrab. Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jidher li waqt li r-raġel kien qed jagħmel xi xogħolijiet f’residenza, f’għoli ta’ madwar erba’ sulari, għal xi raġuni dan waqa’ għal ġo bitħa ta’ residenza oħra.
Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat tal-għassa, li ordna li ssir inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
//= $special ?>