Il-fibra ta’ bniedem jew ta’ grupp ta’ bnedmin tara kemm hi b’saħħitha mhux fil-bnazzi imma fil-maltemp. U fil-mument id-diffiċli, dak li jagħżel lill-bniedem it-tajjeb hu kemm ikollu dik li l-psikoloġi jsejħulha r-reżiljenza, kemm ikollu kuraġġ quddiem ix-xkiel, kemm jibqa’ bilanċjat quddiem l-avversità.
Tifhem bil-għaqal u twettaq dak li tiddeċiedi
Li tkun pożittiv, bħalma jgħallimna l-metodu xjentifiku, hu li tifhem ix-xkiel li għandek quddiemek bid-dawl tal-għaqal, ma tħallix moħħok jiddallam mill-qtigħ il-qalb, tara x’għandek bżonn tagħmel, u dak li tiddeċiedi tagħmlu b’umiltà.
It-test tal-avversità
Dan hu l-mument li għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista bħalissa. Il-Labour s’issa f’dawn l-aħħar snin kellu triq faċli quddiemu u għadu ma ġiex ittestjat mill-avversità. Il-Partit Nazzjonalista, min-naħa l-oħra iffaċċja x-xkiel diversi drabi.
Twettiq tad-deċiżjonijiet li joħorġu mill-kuraġġ u mill-bilanċ
Ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-Partit Nazzjonalista jrid jiflih b’umiltà u kuraġġ. Jifhem u jammetti fejn mar ħażin u x’seta’ jagħmel aħjar. U jwettaq id-deċiżjonijiet li jieħu għall-ġid tiegħu u għall-ġid tal-pajjiż f’demokrazija vera.
Distakk l-istess imma bil-partiti ewlenin imorru sostanzjalment lura
Dak li jagħmel, il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmlu wkoll b’bilanċ. Għax faċli tixxejjer minn estrem għall-ieħor fil-mument tal-emozzjoni. Id-distakk bejn il-partiti baqa’ fejn kien fl-aħħar sena waqt li ż-żewġ partiti marru lura mill-elezzjoni ġenerali.
Għarfien ta’ liema kwistjonijiet huma tassew effettivi
Li d-distakk baqa’ kif kien ma jfissirx li l-Partit Nazzjonalista għamel kollox ħażin jew li l-gvern għamel kollox tajjeb. Dan ifisser li l-Partit Nazzjonalista jrid jagħżel sewwa u b’bilanċ liema kwistjonijiet jikkritika lill-Gvern fuqhom.
Kemm hemm protesta jew apatija u jekk dawn humiex l-istess għaż-żewġ partiti
Il-Partit Nazzjonlista jrid jagħraf ukoll x’seta’ għamel aħjar fil-messaġġ tiegħu, fid-dehra tiegħu u wkoll fl-organizzazzjoni tiegħu. Irid jagħżel kemm hemm element ta’ protesta fit-tnaqqis tal-voti tal-partiti ewlenin u kemm hemm element ta’ apatija, u jekk dawn l-elementi humiex l-istess għaż-żewġ partiti.
Il-bilanċ li joħroġ mill-fatti u min-numri
Għalhekk l-umiltà, il-kuraġġ u l-bilanċ. L-umiltà li tagħraf fejn żbaljajt, il-kuraġġ li tirranġa l-iżball u l-bilanċ li jkollok meta tibbaża fuq il-fatti u – f’dal-każ – fuq in-numri għax ħafna mill-politika f’demokrazija fil-fatt tiddependi min-numri.
Minoranza sostanzjali, effettiva u kredibbli
Din hi s-sejħa tal-pajjiż għall-Partit Nazzjonalista bħalissa. Għax il-pajjiż ma jistax ikollu Gvern li jagħmel li jrid jew li jibda jippretendi li ħadd ma jista’ jikkritikah fuq xejn. Dan hu l-ispazju li jrid ikun hawn għal minoranza – iva – umli imma wkoll effettiva u li terġa’ tibda tikseb kredibilità ġdida.