Edukazzjoni Lokali

Wasal iż-żmien li l-awtoritajiet jagħtu iżjed attenzjoni fl-edukazzjoni tal-familji bi problemi

Minkejja li s-settur tal-edukazzjoni mexa ‘l quddiem, issa wasal iż-żmien li l-awtoritajiet jagħtu iżjed attenzjoni lil familji bi problemi. Jeħtieġ li jkun hemm iżjed rieda politika biex il-problemi fil-familji Maltin ikunu ndirizzati mill-aktar fis. Dan sostnieh il-President tal-Union tal-Għalliema (MUT) Kevin Bonello f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tħabbru dettalji dwar il-Konferenza Ġenerali Triennali tal-MUT bit-tema “L-Isfidi li qed jiffaċċjaw il-unions tal-edukaturi Ewropej”.

Din il-konferenza, li se ssir il-Ġimgħa, se tkun indirizzata mill-Prim Ministru, mill-Kap tal-Oppożizzjoni u mid-Direttur tal-Kunsill Ewropew dwar it-Trejdunions fl-Edukazzjoni Martin Romer. Kevin Bonello qal li din il-konferenza se tkun qed ittemm it-tliet snin leġiżlatura tal-Kunsill tal-MUT. Għall-konferenza se jkun hawn delegazzjonijiet minn unions barranin, li jaħdmu fl-edukazzjoni minn Ċipru, mill-Azerbajġan u mill-Bulgarija.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-MUT ta sommarju tal-aħħar tliet snin u spjega kif dawn kienu karatterizzati minn diversi avvenimenti, bħall-elezzjoni ġenerali, il-bidla fil-Gvern u l-ħafna bidliet fl-amministrazzjoni tal-awtoritajiet edukattivi. Madankollu, il-union ħaddmet trejdunjoniżmu professjonali u modern u rnexxielha tikkonkludi ħafna ftehim u inizjattivi. Kevin Bonello qal li dawn kienu wkoll snin fejn il-qasam edukattiv iffaċċja riformi kbar, fosthom il-ko-edukazzjoni kif ukoll ir-riformi fil-middle u s-senior schools, li ssoktaw minkejja li l-union ġiet imwegħda affarijiet differenti.

Hu qal li dawn kienu mumenti partikolarment diffiċli minħabba d-diversità fl-opinjonijiet fi ħdan l-MUT u l-pass li jmiss issa hu li jkun hemm diskussjonijiet kważi personalizzati dwar il-futur ta’ kull Skola tal-Gvern. Kevin Bonello żied li l-akbar sfida għall-qasam edukattiv f’Malta hu l-element ta’ individwalizmu fost l-għalliema.

Qal li l-MUT se tkun qed tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi marbutin mal-ko-edukazzjoni, li se tidħol fis-seħħ mis-sena skolastika li jmiss. Mal-introduzzjoni ta’ din is-sistema edukattiva ġdida, sostna Kevin Bonello, jeħtieġ li l-Gvern jindirizza l-aspett tas-sigurtà u l-bidliet stutturali fl-iskejjel li fihom se tkun applikata din is-sistema.

Din is-sena, l-MUT qed tfakkar il-95 anniversarju mit-twaqqif tagħha u għal din l-okkażjoni ġie mniedi logo ġdid. Dan kien xogħol il-membru tal-union Victor Pulis, li se jkun użat flimkien mal-logo uffiċjali tal-union. Barra minhekk, l-MUT se tħabbar numru ta’ attivitajiet għal dan l-anniversarju.