Żewġt aħwa minn Bormla baqgħu miżmumin taħt arrest preventiv wara li kienu mixlijin li kkaġunaw feriti ħfief fuq ħuhom waqt argument familjari.
Stephen Farrugia ta’ 27 sena u ħuh Nicholas ta’ 22 sena kienu mixlijin li nhar it-Tnejn 26 ta’ Mejju fil-Marsa ikkaġunaw feriti ħfief fuq ħuhom Francis.
Huma kienu mixlijin ukoll li għamlu ħsara f’karozza tat-tip Toyota b’dannu għal Marion Aquilina u li heddew lill-istess ħuhom kif ukoll lil Fiona Gerada u Marthese Debattista. Nicholas Farrugia waħdu kien mixli wkoll li kkaġuna ferita gravi fuq ħuh u li kellu fil-pussess tiegħu mus mingħajr permess tal-Pulizija.
Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja ħareġ li xi ġimagħtejn qabel kien diġà nqala argument bejn iż-żewġ naħat sakemm fil-jum imsemmi l-allegat vittma mar ħdejn ir-remissa li ħutu għandhom fil-Marsa u hemmhekk reġa’ nqala argument ieħor fejn il-vittma spiċċa ferut.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Magri filwaqt li għal-aħwa qegħdin jidhru l-Avukati Joseph Giglio u Mario Spiteri.
//= $special ?>