Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

David Casa elett mill-ġdid fil-Parlament Ewropew. Eletta wkoll Miriam Dalli f’isem il-PL

David Casa reġa’ kien elett fil-Parlament Ewropew. Din it-tielet elezzjoni minn tlieta għal Casa tagħmel lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew l-uniku MEP Malti li ġie elett f’kull elezzjoni li saret f’pajjiżna għall-Parlament Ewropew.

Flimkien ma’ Simon Busuttil, Casa kien elett bħala MEP fl-elezzjonijiet tal-2004 u tal-2009. Fl-aħħar sena tal-leġislatura li għadha kif intemmet, hu ħadem mal-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola, li ħadet post il-Kap tal-PN fil-Parlament Ewropew. Metsola reġgħet kienet eletta fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu.

David Casa kien elett fil-Parlament Ewropew fil-25 għadd wara li kien eliminat il-kandidat tal-PN Ray Bugeja.

Sadanittant, il-jum tat-Tlieta ra wkoll l-elezzjoni tal-eks ġurnalista tas-Super One Miriam Dalli. Dalli, kif ilu antiċipat fl-aħħar ġimgħat bdiet tajjeb sa mill-1 għadd f’din l-elezzjoni. F’isem il-Partit Laburista, hi telgħet flimkien mal-eks Mexxej Laburista Alfred Sant, li tela’ sa mill-1 għadd bi ftit anqas minn 50,000 vot.