Editorjal

Editorjal: Tmexxija bl-eżempju

Ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew – imur fejn imur is-sitt siġġu – se juri t-tip ta’ tmexxija li għandu l-Partit Nazzjonalista u l-kuraġġ li din ikollha fiha nnifisha u li tagħti lill-bqija ta’ partit politiku li, anke jekk minoranza, irid ikun wieħed effettiv.

It-tmexxija t-tajba taħdem aktar u tagħmel il-qalb
Għax it-tmexxija vera mhijiex dik li taħrab meta ma tilħaqx l-iskopijiet tagħha malajr daqs kemm stenniet, anzi hi t-tmexxija li xxammar il-kmiem hi stess, taħdem aktar u tqawwi l-qalb ta’ dawk li d-dewmien jaħbat jgħajjihom jew jaqtagħlhom qalbhom.

Ma jistudjawx lil min sab is-sodda mifruxa
Diffikultajiet u dewmien jiffaċċja kulħadd, fil-ħajja personali u fil-ħajja ta’ grupp. Illum, fi skejjel tal-management u tat-tmexxija, jistudjaw x’għamlu mexxejja kbar quddiem ix-xkiel u ż-żmien biex tgħallmu u kibru bihom. Ma jistudjawx il-mexxejja li wirtu ħafna tajjeb minn ta’ qabilhom u li kellhom bidu faċli.

L-ewwel snin huma proprju l-aktar diffiċli
Mexxejja li bdew bl-iebes u kibru bl-avversità, bil-kuntrarju, kien hawn f’ħafna oqsma, mhux l-anqas fil-politika. Għax il-ftit kienu li ta’ qabilhom ħallewlhom is-sodda mifruxa, u l-ħafna li bdew bl-iebes ma solvewx kollox mill-ewwel. Anzi, f’ħafna każi, proprju l-ewwel snin kienu l-aktar diffiċli.

Mhux ħarba mid-diżappunt, anzi tagħlim minnu
Fl-eżempji kollha li jistudjaw fl-iskejjel tat-tmexxija, kwalità ewlenija tal-aqwa mexxejja hi li tgħallmu mid-diżappunti tagħhom u dak li tgħallmu użawh għall-ġid tal-organizzazzjonijiet li mexxew. Mhux ħarbu fid-diffikultà, anzi użawha għall-ġid.

Il-kwalitajiet tat-tmexxija t-tajba
Kwalitajiet tal-mexxejja t-tajbin hemm aktar: il-kalma, il-bilanċ, li jifhmu li hemm bżonn iż-żmien għall-progress, li jfiehmu lil ħaddieħor, li jieħdu l-azzjoni billi jinvolvu lil kulħadd, l-ottimiżmu, li jżommu l-moral tal-bqija għoli, li jgħaqqdu lil dawk li jsegwuhom, li jkunu leali lejn il-grupp biex il-bqija jkunu leali lejhom.

Simon Busuttil jifhem id-diffikultajiet u ż-żmien
Dawn il-kwalitajiet qegħdin fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Il-kummenti li ta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li għaddej l-għadd tal-voti juru li jifhem id-diffikultajiet li ffaċċja mill-bidu u ż-żmien li hemm bżonn biex jingħelbu.

Jifhem il-bżonn tal-għaqda u tat-tmexxija b’eżempju
Jifhem il-bżonn tal-għaqda fil-Partit Nazzjonalista u t-tmexxija bl-eżempju – li jagħti hu l-ewwel wieħed il-kuraġġ lill-40 fil-mija li reġgħu taw l-appoġġ tagħhom lill-Partit Nazzjonalista u li jagħti wkoll sinjal ta’ għaqda mal-bqija tat-tmexxija.

Flimkien, bil-kalma, b’lealtà u b’kuraġġ
Min segwa u jsegwi lill-Partit Nazzjonalista wkoll għandu kwalitajiet li jrid juri ħalli flimkien, bil-kalma, b’lealtà, b’kuraġġ, il-Partit Nazzjonalista jikseb il-ġid anke mid-diffikultà u dak li forsi stenna kmieni f’sena waħda jiksbu fis-snin li ġejjin.