Kultura Lokali

Film: Il-film “God’s Not Dead” jibda jintwera f’Malta wkoll

“God’s not dead” hu film dwar student li jisfida lil-lecturer ateju tiegħu fil-lezzjoni tal-Filosofija dwar l-eżistenza ta’ Alla. Dan il-film, li qed jintwera fl-Eden Cinemas f’Paceville, jiffoka fuq esperjenza ta’ student Kattoliku li jkun l-uniku wieħed li jmur kontra l-kurrent u jisfida lil-lettur tiegħu tal-Filosofija wara li dan iġiegħel lill-istudenti biex jiktbu fuq karta l-kliem “God is Dead“.

L-istudent Kattoliku rrifjuta li jagħmel dan u ngħata tliet lezzjonijiet biex jipprova jikkonvinċi lill-istudenti sħabu li Alla jeżisti. L-istudent jirnexxielu wara li sħabu jappoġġjawh fl-aħħar lezzjoni quddiem il-lecturer innifsu. Flimkien ma’ din il-bażi tal-istorja, il-film jinkludi wkoll persekuzzjoni reliġjuża li studenta Kattolika tgħaddi minnha minn missierha Musulman wara li din tinqabad bi stampa ta’ Ġesù fuq il-mobile.

Min-naħa tiegħu, il-lettur ukoll jiffaċċja sfidi fil-familja tiegħu għax l-elementi ateji tiegħu huma proġettati b’qawwa. Il-film jinkludi wkoll esperjenza ta’ tfajla, li tinduna li tkun marida bil-kanċer u l-partner tagħha jibqa’ negattiv anke quddiem is-sofferenzi ta’ ommu li tbati bid-dimensja. Il-konklużjoni tal-film hi waħda eċitanti, għalkemm f’mumenti prevedibbli, skont l-andament tal-istess storja. Minkejja dan, l-elementi negattivi għall-valuri tas-sewwa minn karattrri ewlenin fil-film jinbidlu f’aspetti pożittiv fit-tmiem.

(Filmat: It-trailer li xxandar fl-Istati Uniti)