Sport Sport Ieħor

Iċ-champion Serena Williams eliminata

Iċ-champion reanjanti tan-nisa tal-Open ta’ Franza, Serena Williams sfat eliminata fit-tieni rawnd b’telfa ta’ 6-2, 6-2 kontra l-Ispanjola Garbine Muguruza. Oħt Serena, Venus ukoll kellha ttemm l-avventura tagħha f’dan il-Grand Slam hekk kif tilfet 2-6, 6-3, 6-4 kontra l-Islovakka Anna Schmiedlova.

Din hi l-ewwel darba fil-karriera ta’ Serena Williams li ġiet eliminata fl-ewwel ġimgħa ta’ Grand Slam.
B’dawn ir-riżultati jfisser li fit-tielet rawnd il-konfront bejn l-aħwa Williams mhux se jseħħ u issa se jkunu Muguruza u Schmiedlova li se jaffrontaw lil xulxin.
Kontra Muguruza, Williams għamlet diversi żbalji u l-wirja li kellha kienet ferm diżappuntanti tant li l-avversarja tagħha ħadet biss 64 minuta biex rebħitilha. B’din it-telfa, t-tennista ta’ 32 sena se jkollha tistenna biex tipprova tirbaħ it-18-il Grand Slam fil-karriera tagħha.

“Kienet ġurnata fejn kollox ġie ħażin. Fl-isport ma tistax tkun perfett kuljum u jiddispjaċini ħafna li ma kontx f’forma tajba f’kompetizzjoni prestiġjuża bħal ma hu Grand Slam. Madankollu dan mhux l-aħħar tad-dinja u se nibda naħdem biex nirritorna fil-quċċata,” qalet Williams wara t-telfa kontra Muguruza li għad għandha 20 sena.
Minn naħa tagħha Muguruza qalet, “Aktar ma beda jgħaddi ħin aktar bdejt nemmen li għandi ċans nirbaħ. Kien hemm mument fil-logħba fejn bilkemm stajt nemmen li kont se negħleb liċ-champion rentjanti. Issa la darba irbaħt irrid inkompli nilgħab bl-istess mod għax il-kompetizzjoni għada f’fażi birkija.”

Djokovic fit-tielet rawnd
It-tennista numru tnejn fid-dinja Novak Djokovic ikkwalifika għat-tielet rawnd b’rebħa ta’ 6-1, 6-4, 6-2 kontra Jeremy Chardy. It-tennista Serb ma sab l-ebda diffikulta` biex għeleb lil Chardy u fil-fatt l-istess Chardy, fi tmiem il-logħba qal li Djokovic kien aqwa minnu f’kull aspett.

F’partiti oħra mill-kategorija tal-irġiel iċ-Ċek Tomas Berdych kellu bidu kemmxejn negattiv iżda irkupra tajjeb u rebaħ 6-7(4) 6-4 7-5 6-3 kontra Aleksandr Nedovyesov.

In-numru tmienja Milos Raonic għeleb lil Jiri Vesely 7-6(4) 6-4 6-1 filwaqt li r-Russu Mikhail Youzhny tilef 6-0 6-3 3-6 6-4 kontra ċ-Ċek Radek Stepanek. L-Ispanjol Marcel Granollers wettaq rimonta u rebaħ 1-6 3-6 6-3 6-0 6-2 Alexandr Dologopolov.