Hu xieraq li s-suldati u l-membri tal-Armata jkunu mħarrġa bl-aħjar mod possibbli. Biex dan ikompli jseħħ, ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST). B’dan il-ftehim, suldati se jkunu jistgħu jattendu korsijiet fl-MCAST u min-naħa l-oħra studenti tal-MCAST se jkollhom il-possibbiltà jagħmlu apprentistat mal-FAM u mhux biss ma’ entitajiet privati.
Dan il-ftehim, li ġie ffirmat mill-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST Silvio De Bono u mill-Kap Kmandant tal-FAM il-Brigadier Jeffrey Curmi, hu meqjus bħala pass importanti biex membri tal-Armata jkomplu jitħarrġu. Mistoqsi meta se jibda dan it-taħriġ, De Bono qal li l-korsijiet se jibdew b’mod immedjat iżda ma tax data partikolari. Hu saħaq li ċerti suldati diġà bdew jingħataw dan it-taħriġ.
Il-Brigadier Curmi sostna li l-proċess għal dan il-ftehim beda numru ta’ snin ilu. Spjega kif dan se jkun ta’ vantaġġ għaż-żewġ naħat għax kemm il-FAM kif ukoll l-MCAST se jibbenefikaw minnu. Il-Prinċipal tal-MCAST Stepehen Cachia qal li se jkun hemm taħriġ f’setturi varji, fosthom l-avjazzjoni, l-inġinerija, il-qasam marittimu u l-kostruzzjoni, fost oħrajn.
//= $special ?>
