Internazzjonali

Il-Gvern Amerikan iħeġġeġ liċ-ċittadini tiegħu jitilqu mil-Libja

Il-Gvern Amerikan ta parir liċ-ċittadini Amerikani biex jitilqu minnufih mil-Libja. Dan għaliex is-sitwazzjoni fil-pajjiż hi waħda mprevedibbli u nstabbli bil-kriminalità dejjem tiżdied. Ilbieraħ grupp ta’ rġiel armati attakkaw ir-residenza tal-Prim Ministru ġdid Libjan. Sorsi mil-Libja qalu li bħalissa fil-Libja għaddejja ġlieda għall-poter, bir-riżorsa taż-żejt tkun fil-mira ewlenija.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ġeneral Libjan Khalifa Hifter ta bidu għal offensiva mdemmija fil-lvant tal-Libja kontra l-militanti Iżlamiċi u fit-18 ta’ Mejju attakka l-Parlament fi Tripli. Fi tmiem il-ġimgħa, il-Parlament Libjan approva Gvern appoġġjat mill-Iżlamiċi, immexxi mill-Prim Ministru Ahmed Maiteeq. Dan minkejja lmenti minn xi politiċi kontra l-Iżlamiċi u ta’ Hifter. Fl-istess ħin, madwar il-Libja kien hemm dimostrazzjonijiet ta’ appoġġ għal Hifter, li sostna li dawn id-dimostrazzjonijiet tawh il-mandat biex jiġġieled lill-estremisti Iżlamiċi fil-pajjiż.

Issa hemm tħassib li hekk kif qed toqrob id-data tal-25 ta’ Ġunju, meta se ssir elezzjoni Parlamentari, il-vjolenza se tiżdied.