Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-lejl li wassal biex il-PN rebaħ it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew

Il-Partit Nazzjonalista laħaq il-mira tiegħu li jtella’ tliet siġġijiet fil-Parlament Ewropew. Minkejja r-riżultat diżappuntanti f’termini ta’ voti, Therese Comodini Cachia se tkun it-tielet MEP għall-PN, flimkien ma’ Roberta Metsola u David Casa. F’tellieqa li baqgħet għaddejja sal-aħħar minuti, b’battalja sal-aħħar għadd u wara proċess li dam għaddej 67 siegħa, l-għadd tal-voti fin-Naxxar ġie fi tmiemu ftit wara s-7am tal-lum.

Il-grupp komplut ta’ MEPs Maltin huma Roberta Metsola, David Casa u Therese Comodini Cachia f’isem il-PN u Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi f’isem il-Partit Laburista. Il-kwistjoni tas-sitt siġġu baqgħet mhix deċiża sal-aħħar, hekk kif kellu jkun it-28 għadd li jiddetermina li dan finalment sejjer għand il-PN.

Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Wirt ghat-Tielet Siggu 280514Agħfas fuq l-istampa tal-lemin biex issegwi x’ġara.
Fis-27 għadd, wara lejl ieħor twil ta’ tqassim ta’ voti bis-sistema tal-wirt, il-partiti kienu għadhom ras imb’ras fil-ġlieda għas-sitt siġġu. Dak il-ħin, kien imiss li jiġi eliminat l-eks Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Joseph Cuschieri u jitqassmu l-voti tiegħu, minħabba li f’dan l-istadju kien il-kandidat bl-anqas numru ta’ voti. B’Therese Comodini Cachia fuq quddiem bl-akbar numru ta’ voti minn fost il-kandidati li kien għad fadal fit-tellieqa f’isem iż-żewġ partiti, il-mistoqsija kienet jekk ladarba tiġi eletta Mizzi, li kellha aktar voti minn Camilleri, l-istess kandidat Laburista kienx se jiret biżżejjed voti biex jaqbeż lil Comodini Cachia, hekk kif id-differenza bejniethom dak il-ħin kienet ta’ 6,208.

Fit-28 għadd, li ta t-tielet siġġu lill-PN u mhux ir-raba’ wieħed lill-PL, Clint Camilleri wiret 6,101 vot mis-16,613-il vot ta’ Cuschieri, filwaqt li Marlene Mizzi ħadet 9,388 vot. Kif mistenni, Therese Comodini Cachia wirtet ammont biss ammont minimu ta’ voti minn fuq il-kandidat Laburista, 99 biss, filwaqt li kien hemm ukoll 1,025 vot mhux trasferibbli. B’hekk, filwaqt li Marlene Mizzi ġiet eletta b’35,630 vot minkejja li ma laħqitx il-kwota, il-kandidata Nazzjonalista Therese Comodini Cachia baqgħet fuq quddiem b’29,580 vot u ġiet dikjarata eletta, ukoll bla kwota, bħala t-tielet MEP tal-PN. Dan minħabba li Clint Camilleri, bil-voti li wiret ġab total ta’ 29,374 vot u għalhekk ma kellux biżżejjed biex jaqbiżha.

Id-differenza bejn Comodini Cachia u Camilleri f’dan l-aħħar ghadd, u li wasslet biex tkun eletta Comodini Cachia, kienet ta’ 206 voti biss. L-elezzjoni ta’ Therese Comodini Cachia fissret ukoll li għall-ewwel darba Malta se jkollha maġġoranza ta’ nisa fil-Parlament Ewropew: erba’ nisa kontra żewġt irġiel, b’żewġ nisa fuq kull naħa.

Sadanittant, f’messaġġ fuq Twitter ftit wara li ħareġ ir-riżultat finali, il-Kap tal-PN Simon Busuttil esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-PN irnexxielu jtella’ t-tielet MEP. Hu kiteb ukoll li hu kburi li erbgħa mis-sitt Deputati Maltin fil-Parlament Ewropew se jkunu nisa. “Awguri lilkom kollha – issa ejja naħdmu lkoll flimkien għal Malta”, kiteb il-Kap tal-Oppożizzjoni (ritratt isfel).

SB Tweet Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Tielet Siggu 280514