Lokali Unjoni Ewropea

Il-Mexxej tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew jiddikjara l-appoġġ tal-grupp lil Juncker

Issa li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea eleġġew id-Deputati tagħhom fil-Parlament Ewropew, l-attenzjoni tinsab fuq il-ħatra tal-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea. Waqt laqgħa tal-Mexxejja tal-Gruppi Politiċi li jiffurmaw il-Parlament Ewropew, il-Mexxej tal-Grupp Soċjalista Hannes Swoboda ddikjara l-appoġġ tal-Grupp lil Jean Claude Juncker, bħala l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li kiseb il-maġġoranza fl-elezzjonijiet li saru madwar l-Ewropa.

Il-PPE baqa’ l-akbar grupp politiku minkejja li naqqas sew fis-siġġijiet. Għalhekk, l-eks Prim Ministru tal-Lussemburgu għandu jkun hu li jinħatar suċċessur ta’ José Manuel Barroso. Madankollu, din mhix xi ħaġa awtomatika għax issa Juncker irid imexxi negozjati biex jikseb l-appoġġ meħtieġ ħalli jkun elett f’din il-kariga. Qabel, il-ħatra tal-President tal-Kummissjoni kienet issir direttament mill-Mexxejja Ewropej.

Madankollu, bit-Trattat ta’ Liżbona, issa dawn irid jieħdu kont tar-riżultat elettorali. Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, li fiha se ssir din id-diskussjoni, hi ppjanata għall-aħħar ta’ Ġunju. Wara li jingħata l-go-ahead mill-Mexxejja tal-UE, Juncker ikun jonqsu li jiġi approvat ukoll mill-Parlament Ewropew il-ġdid, li se jiltaqa’ għas-seduta inawgurali tiegħu fl-1 ta’ Lulju. Il-vot dwar il-kariga tal-President tal-Kummissjoni Ewropea mistenni jittieħed fis-16 ta’ Lulju.