Lokali

Il-PN se juża l-messaġġ tal-poplu bħala inċentiv li jgħinu jissaħħaħ u jkompli jikber

“Il-messaġġ li l-Partit Nazzjonalista rċieva mingħand l-elettorat fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew hu wieħed ċar u l-partit se juża dan il-messaġġ bħala inċentiv li jgħinu jissaħħaħ u jkompli jikber.”

Qal dan il-kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt il-programm Newsdesk fuq Radio 101 fejn tkellem dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista, partit li jħoss li Malta jixirqilha aħjar imma għadu ‘l bogħod milli jonqos dan id-distakk kbir bejn il-partiti. “Biex nagħmlu dan hemm żewġ affarijiet li rridu nagħmlu. irridu l-ewwel nett insaħħu id-dar tagħna, dak li rridu nagħmlu f’darna biex nissaħħu,” kompla Simon Busuttil.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem qal li l-mira tat-tielet siġġu kienet se tkun diffiċli għaliex il-partit kien jaf li qed jikkompeti ma’ Gvern li hu popolari, Prim Ministru popolari. Gvern li lejn l-aħħar tal-kampanja elettorali beda jqassam affarijiet bl-addoċċ fosthom affarijiet li tqassmu fil-jiem tal-elezzjoni. Dan minbarra d-diffikultajiet li għadu qed jaffaċċja l-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li biex il-Partit Nazzjonalista ikompli jnaqqas id-distakk irid ikompli t-tiġdid mhux biss fl-uffiċjali imma wkoll l-għodda tal-partit, inkluż l-istazzjonijiet li għandu, biex b’hekk id-dar tal-partit tissaħħaħ u l-messaġġ jasal iktar qalb in-nies. “Biex dan isir, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se ssir diskussjoni li tiġi attwata f’realta’,” kompla Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif is-sena li għaddiet, wara riżultat storiku għall-Partit Laburista, il-partit żera’ żerriegħa li bil-mod qed tikber u tiżviluppa f’siġra. “Aħna ma tlaqniex minn żero imma bi żvantaġġ ta’ 36,000 u għalhekk irridu nkomplu nikbru flimkien mhux inkissru dak li bdejna u nibdew mill-bidu,” qal Simon Busuttil. Fakkar li kien għalhekk li meta kien hemm dubju fuq it-tielet siġġu hu wiegħed li mhux se jaħrab, jitlaq jiġri jew jaqta’ qalbu f’dan il-mument diffiċli. Simon Busuttil wassal ukoll messaġġ lil dawk li jimxu wara l-Partit Nazzjonalista, li għandu bżonn nies li ma jaqtawx qalbhom.

Il-Gvern fl-aħħar jiem xtara l-voti billi qassam ħafna affarijiet qabel l-elezzjoni. Din hi parti mil-logħba politika li rridu naffaċċjaw. Li jfisser li minbarra li nieħdu ħsieb darna, irridu nagħtu kas ukoll ta’ avversarju politika li hu b’saħħtu.

Għalhekk dan hu l-messaġġ tiegħi lil min iħobb lill-Partit Nazzjonalista u li għadu ma resaqx biex jgħin lill-Partit Nazzjonalista. Irridu ningħaqdu kollha flimkien biex din iż-żerriegħa li żrajna, tikber, tissaħħaħ u flimkien nagħtu r-riżultati.

Simon Busuttil sellem lit-tmien kandidati li ma ġewx eletti tal-ħidma tagħhom. hu qal li kemm il-Ħadd u l-Erbgħa ltaqa’ magħhom bl-għan li jħeġġiġhom ikomplu jaħdmu, anzi jżidu l-ħidma tagħhom fil-futur.

Qal ukoll li l-Partit nazzjonalista se jkompli jaħdem bi stil mhux konfrontattiv, jippreżenta idejat ġodda u innovattivi b’risq pajjiżna, imma wkoll juża kritika fejn hemm bżonn għaliex wara kollox dak hu l-għan tal-Oppożizzjoni, li turi fejn il-Gvern qed jimxi ħażin. Fakkar li minkejja li l-Oppożizzjoni tiġi kkritikata li hi negattiva, fil-verita’ l-membri tal-Oppożizzjoni vvutat favur 80% tal-liġijiet li ppreżenta l-Gvern. Dan minbarra li kienet l-Oppożizzjoni stess li pproponiet emendi u mozzjonijiet fil-Parlament.

Fakkar kif l-Oppożizzjoni vvutat kontra liġijiet proposti, bħal dik taċ-ċittadinanza, jew liġijiet li nbidlu biex il-membri tal-Parlament jilħqu kapijiet eżekuttivi f’awtoritajiet pubbliċi. Dan għaliex l-Oppożizzjoni qatt ma tista’ taqbel ma mossi bħal dawn li jiffavorixxu lill-gvern imma mhumiex fl-aħjar interess tal-pajjiż.

Dan juri kif fil-verita’ hemm differenza bejn il-propoganda tal-gvern u r-realta’. Hu wera t-tama tiegħu li l-poplu Malti se jibda jistaqsi jekk verament l-azzjonijiet tal-Oppożizzjoni jurux negattivita’ jew inkella Oppożizzjoni li trid tkun kostruttiva għal Malta aħjar.