Għawdex Lokali

In the mood għal kunċert ieħor tal-Leone Goes Pop

Għawdex jinsab fl-aħħar jiem ta’ stennija għas-7 edizzjoni tal-kunċert Leone Goes Pop li se jqajjem il-qalba tal-kapitali Għawdxija fi Pjazza Indipendenza (It-Tokk) fil-btala nazzjonali tas-7 ta’ Ġunju fid-9pm.

Il-Banda Leone qed tirritorna b’serata ta’ mużika pop, rock u swing li tvarja mill-aktar suċċessi reċenti sal-klassiċi immortali. Il-programm ta’ din is-sena jinkludi taħlita sabiħa ta’ showpieces strumentali għall-banda ta’ 90 ruħ u numri vokali li se jkantawhom il-kantanti popolari Maltin Chris Grech u Raquela, kif ukoll is-sopran magħrufa Claire Caruana. Il-pubbliku, li s-soltu jattendi bl-għexieren tal-mijiet se jkun ospitat mid-duo televiżiv Danusan – Daniel u Sander – flimkien mas-surmast Colin Attard u l-Banda Leone. Filfatt, kif ilhom jagħmlu il-Banda Leone u s-surmast direttur tagħha, wieħed jista’ tassew jistenna spettaklu ta’ kwalità mimli mużika, divertiment u fuq kollox umoriżmu hekk kif Malta, flimkien mal-bqija tad-dinja, se tkun qed tipprepara biex tara lill-ġirien il-kbar tagħha jissieltu fil-finali tat-tazza tad-dinja.

Għalhekk, il-pubbliku huma mħeġġeġ sabiex jattendi għal dan il-kunċert bil-kuluri tat-timijiet nazzjonali favoriti tiegħu. B’mużika mir-repertorju tal-Beatles, Mudugno, Santana, Bennato, il-Queen u Shakira,fost l-oħrajn, il-Banda Leone qed twiegħed li se ddaħħal lil kulħadd (dilettant tal-futbol u mhux!) f’burdata tajba għal party kbir ta’ qabel it-tazza tad-dinja.

Is-7 edizzjoni ta’ Leone Goes Pop issegwi edizzjoni oħra suċċess, li għall-ewwel darba ġiet ripetuta fi Pjazza Teatru Rjal fil-Belt Valletta (Ottubru 2013), meta l-Banda Leone kienet qed tiċċelebra l-150 sena mit-twaqqif tagħha bħala l-ewwel banda Għawdxija.

Leone Goes Pop nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju 2014 jibda fid-9pm. Siġġijiet huma fuq basi ta’ first-come-first-served u n-numru huwa limitat. Qiegħed kordjalment jiġi suġġerit lill-pubbliku biex jaħseb għall-post mill-inqas nofs siegħa qabel il-bidu tal-kunċert.