Futbol Sport

Is-sospensjoni ta’ Kevin Sammut imnaqqsa għal 10 snin

Is-sospensjoni li ingħata l-eks player internazzjonali Malti Kevin Sammut mill-UEFA tnaqqset mill-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv għal waħda ta’ 10 snin.

Sammut kien sospiż għal għomru mill-UEFA minħabba li kien akkużat li kien iltaqa’ ma’ Ante Sapina u Mario Cvrtak sabiex jimmanipula r-riżultat tal-logħba mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2008 kontra n-Norveġja kontra Malta, logħba li intlagħbet f’Oslo fit-2 ta’ Ġunju tal-2007. Dawn it-tnejn jinsabu jiskontaw sentenza ta’ ħames snin ħabs fuq sensiela ta’ logħob irranġat.

Il-player kien ħa l-każ tiegħu quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv (CAS) fejn l-avukati tiegħu Michael u Lucio Sciriha kienu argumentaw fl-appell li l-player ma’ kellux x’jaqsam mal-każ.

Il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv dawret id-deċiżjoni tal-UEFA li tissospendi l-player għal għomru fejn saħinsitra fis-sentenza finali il-CAS qal li s-sospensjoni tal-player għanda tkun effettiva sa min meta l-player ġie sospiż oriġinalment, jiġifieri f’Awwissu tas-sena 2012.