Lokali

Kien l-Avukat ġenerali li ta d-direzzjoni biex tkun ċeduta l-kawża dwar l-Australia Hall – il-Ministru Michael Farrugia

Anke jekk id-Direttur ġenerali qal li kien irċieva, permezz ta’ email mingħand il-Ministru Michael Farrugia (dak iż-żmien Segretarju Parlamentari) direzzjoni biex tkun ċeduta l-kawża fil-Qorti li kienet qed issir kontra l-Partit Laburista, il-Ministru Farrugia baqa’ jsostni li d-direzzjoni ngħatat mill-Avukat ġenerali wara diskussjonijiet li sau dwar is-sitwazzjoni.

Il-Ministru Farrugia kien qed jagħti x-xiehda tiegħu quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi li kompla jisma’ l-każ dwar il-kuntratt tal-Australia Hall.

Mistoqsi kemm-il darba miċ-Chairman tal-Kumitat Tonio Fenech, il-Ministru Farrugia baqa’ jsostni u jargumenta li s-sitwazzjoni kienet toffri żewġ pożizzjonijiet. Fuq naħa kien hemm il-possibbilta’ li l-Partit Laburista jżomm l-artijiet f’Pembroke (inkluż Australia Hall) jew inkella jingħata lura l-bini tal-Freedom Press u l-artijiet tal-madwar. Fid-dawl li l-Gvern kien qed jippjana proġett ta’ importanza nazzjonali għaż-żona tax-Shipbuilding, l-Avukat ġenerali ta direzzjoni li fiċ-ċirkostanzi setgħet tkun ċeduta l-kawża.

Għal aktar mistoqsijiet taċ-Chairman dwar jekk ħassx li kien ikun aktar qed jaġixxi bi trasparenza kieku ħalla l-każ quddiem il-Qorti jkun deċiż qabel tkun ċeduta l-kawża, il-Ministru Farrugia qal li “jekk taħseb li l-Gvern se joqgħod jistenna l-Qrati u proġett ta’ importanza nazzjonali jitħalla fuq l-ixkaffa għall-gost, allura qed imorru ‘il hinn minn dawk li huma responsabbiltajiet.”
Michael Farrugia qal li meta saru l-valutazzjonijiet finanzjarji, bil-kawża tkun ċeduta, il-Gvern kien se jmur tajjeb billi jżomm l-artijiet tax-Shipbuilding minħabba l-proġett nazzjonali filwaqt li l-Partit Laburista bl-artijiet f’Pembroke mar ħażin. Fl-ebda mument sa dan l-istadju ma ġew ippreżentati quddiem il-Kumitat il-valutazzjonijiet li tkellem dwarhom il-Ministru Farrugia.

Matul is-smigħ tax-xiehda quddiem il-Kumitat ġie stabbilit ukoll li sal-1998 l-Australia Hall kienet għadha tintuża mill-Partit Laburista. Xi żmien qabel l-elezzjoni ta’ dik is-sena, din inqerdet bin-nar. Kien biss snin wara, minkejja l-obbligu kuntrattwali li jżomm il-proprjeta’ fi stat tajjeb, li l-Partit Laburista għamel applikazzjoni quddiem l-Awtorita’ tal-Bini biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa. Filwaqt li n-nar li qered din l-istruttura seħħ għal ħabta tal-1998, l-applikazzjoni tal-PL biex isiru t-tiswijiet saret fit-2 ta’ Frar 2010, jiġifieri madwar 12-il sena wara.