Qorti

Kien offrut somma flus li ma ħax kollha, iżda l-akkużat bil-qtil ta’ Matthew Zahra jgħid li ma ħebiex il-katavru għall-flus

Alfredo Attard, sid l-għalqa fejn instab il-katavru ta’ Matthew Zahra, qal quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li ma ħebiex il-katavru għall-flus. Iżda mistoqsi mill-Ispettur Chris Pullicino dwar x’kienet ir-raġuni jekk mhux il-flus, huwa wieġeb li “m’hemmx raġuni oħra”. Attard ammetta li kien offrut b’kollox is-somma ta’ €5,000, iżda kulma ħa kien biss ftit mijiet u dawn ħadhom ftit ftit. Attard kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Jason Galea, ta’ 39 sena minn Birżebbuġa, u Ronald Urry, ta’ 49 minn Raħal Ġdid, li huma mixlijin bil-qtil ta’ Zahra, ta’ 27 sena mill-Belt.

Matthew Zahra kien għeb fil-15 ta’ Awwissu 2012 u nstab midfun f’għalqa fil-Qajjenza f’Lulju 2013, meta kienet qed issir tfittxija għal Mario Camilleri, magħruf bħala “l-Imnieħru” u ibnu Mario Jr. Dwar il-qtil tal-missier u l-iben għaddejja kumpilazzjoni separata, li fiha Alfredo Attard diġà xehed. Attard kompla jixhed u qal li kien sar jaf lil Jason Galea madwar sena u nofs jew sentejn ilu fiċ-Ċentru Laburista ta’ Birżebbuġa. Jason kien qallu bil-pjan li kellu biex joqtol lil Matthew Zahra u wiegħdu €2,000 għas-sehem tiegħu f’dan il-qtil. Minn dawn tah €390 bil-quddiem.

Xi tmien ġimgħat wara li ltaqgħu, Jason qallu li “illum ħa nagħmluha” u Attard fehem li kien se jinqatel Zahra. Dakinhar, Jason wassal lil Urry b’vettura bajda tat-tip Skoda sar-razzett ta’ Attard f’Birżebbuġa. Urry staħba qalb il-bajtar, fit-trejqa li tagħti għar-razzett, u Jason mar iġib lil Matthew bl-istess karozza. Meta Jason wasal lura, ipparkja taħt ħajt fit-trejqa u Urry spara żewġ tiri lil Matthew minn fejn kien mistoħbi. Imbagħad, Jason saq il-karozza sa ħdejn ħofra fir-razzett, fejn it-tifel ta’ Alfredo Attard kellu l-ħsieb li jibni kamra biex fiha jżomm iż-żwiemel.

Urry fittex fuq il-katavru ta’ Zahra u ħadlu choker tad-deheb, iżda Jason qallu biex iċ-choker jagħtih lilu, kif fil-fatt sar. Imbagħad xeħtu lil Zahra fil-ħofra u Attard għatta l-katavru bid-demel. Attard qal li Jason ma kellmux aktar fuq flus u hu ġieli talabhomlu u ġieli le. Jason kien qallu biex ineħħi l-katavru mill-ħofra u fil-fatt wara xi żmien kien neħħieh u ħbieh f’għalqa oħra tiegħu. Madankollu, hu kien żamm erba’ għadmiet mill-katavru.

F’dan il-ħin, mill-iżbarra Jason Galea nstema’ jgħid li x-xhud kien qed jigdeb, iżda l-Maġistrat Josette Demicoli wissietu biex joqgħod kwiet. Attard kompla jgħid li Jason kien qallu wkoll biex il-ħofra jkabbarha għax kellu biċċa xogħol fejn seta’ jkun hemm tliet persuni nvoluti. Din id-darba kien wegħdu s-somma ta’ €5,000, iżda ma tah xejn bil-quddiem u l-ħofra baqa’ ma kabbarhiex. Attard kompla jgħid li darba kien rieqed fir-razzett u marru Jason u Ġorġ Galea, li huma mixlijin bil-qtil tal-Imnieħru u ibnu, u bdew jaħslu vann mid-demm li kien hemm imċappas fuqu.

Fil-post wasal ukoll Leli d-Deffien, li kellu miegħu lil Mario Jr. Mario daħal ma’ Jason fir-razzett, fejn kien hemm Ġorġ moħbi. Galea spara tliet tiri fuq Mario, iżda ma laqtux u għalhekk Ġorġ u Jason inxteħtu fuq Mario u bdew isawtuh. Ftit wara, Ġorġ ġab mus u sikkina u bdew jgħattuh bihom u b’xi madum sakemm miet. Imbagħad xeħtuh fuq missieru fil-ħofra. Attard qal li Jason qallu li kienu sejrin iġiblu persuna oħra, iżda meta mar lura qallu li din il-persuna kienet se tisparalu. Qal li Jason qatt ma qallu għaliex ried joqtol lil dawn in-nies.

L-avukat Franco Debono qed jidher għal Ronald Urry, filwaqt li l-avukat Joseph Giglio qed jidher għal Jason Galea.