Il-mira tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew intlaħqet hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja, il-Partit Nazzjonalista tella’ t-tielet siġġu. MaltaRightNow.com ħadet l-ewwel reazzjoni tal-MEP Nazzjonalista David Casa. Minkejja r-riżultat diżappuntanti f’termini ta’ voti, Casa jinsab sodisfatt li l-partit irnexxielu jikseb it-tielet siġġu. “Ninsab kuntent ħafna li l-poplu tani dan il-pivileġġ li nservih fil-Parlament Ewropew. Madanakollu, ninsab diżappuntat bir-riżultat li kiseb il-Partit Nazzjonalista. Ċert li dan se jpoġġi iżjed pressjoni biex lill-poplu nġibuh jafda aktar lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet li ġejjin”.
Casa, li din se tkun it-tielet leġiżlatura konsekuttiva tiegħu bħala ewroparlamentari, qal li permezz ta’ deputat ieħor, il-Partit Nazzjonalista se jkun jista’ jaħdem iktar fil-Parlament Ewropew fuq il-banijiet tal-Partit Popolari Ewropew. “Bla dubju ta’ xejn id-diżappunt jittaffa bir-rebħ tat-tielet siġġu. Ir-rebħ tat-tielet siġġu ifisser deputat ieħor tal-Partit Nazzjonalista li se jsarraf f’xogħol itkar biex l-Ewropa tkompli tiżviluppa u timxi ‘l quddiem. Se tiżdied il-pressjoni fuqna biex fil-Parlament Ewropew inkunu dik id-delegazzjoni li taħdem l-iżjed”. Casa jittama li wara l-elezzjoni, il-pika bejn iż-żewġ partiti tieqaf.
“Aħna qegħdin sitt deputati biss fil-Parlament Ewropew. Vera li kellna kwistjonijiet li mhux dejjem qbilna dwarhom, imma dejjem ġbidna ħabel wieħed favur l-interessi ta’ pajjiżna. Ċert li se nkunu team formidabbli fil-Parlament Ewropew”, sostna Casa.
Għal Therese Comodini Cachia, din se tkun l-ewwel esperjenza tagħha fil-Parlament Ewropew. Hi spjegat x’fissret għaliha din il-kampanja elettorali u l-kisba tat-tielet siġġu għall-Partit Nazzjonalista. “Dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija. Din kienet l-ewwel darba li kkontestajt elezzjoni fuq bażi nazzjonali. Huwa ta’ sodisfazzjon li ksibt dan is-siġġu. Iżda mhux biss ta’ sodisfazzjon personali u għal voluntiera li kienu ta’ għajnuna. Huwa ta’ sodisfazzjon li rnexxieli nikseb dan is-siġġu għall-Partit Nazzjonalista”, qalet Comodini Cachia. Comodini Cachia enfasizzat li se tagħmel l-almu tagħha biex taħdem ħafna fil-Parlament Ewropew sabiex tqarrbu aktar lejn in-nies.
“Jien nemmen li biex inti tfassal politika tajba trid tkun taf in-nies x’qed jesperjenzaw. Jien se nibqa’ nagħti kontribut anke permezz tan-nies fl-uffiċċju tiegħi, ħalli mhux biss inwasslu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista lin-nies, imma l-messaġġ tan-nies lill-Partit Nazzjonalista u b’hekk bħala Partit noħolqu l-viżjoni u l-politika tagħna”.
//= $special ?>