Il-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) lesta toħroġ direttivi u mhux lesta taċċetta l-ebda dokument fait accompli dwar il-prattiċi tax-xogħol tal-infermieri, l-ispiżjara u l-Pharmacy Technicians membri tagħha, hekk kif pazjenti fl-Isptar Boffa qed ibatu minħabba s-sitwazzjoni preżenti. Dan tħabbar mill-MUMN stess fi stqarrija, li fiha talbet ukoll laqgħa urġenti mal-Ministeru tas-Saħħa u d-Diviżjoni tas-Saħħa, hekk kif il-pjan ta’ migrazzjoni lejn l-Isptar Boffa qed jiġi finalizzat mingħajr l-involviment tal-union.
L-MUMN qalet li pazjenti li jsofru mill-kanċer u li jattendu l-Chemotherapy Day Ward fis-6am għat-trattament qed ikollhom jistennew sa mill-anqas 12pm jew aktar biex jirċievu l-kimoterapija. Dan qed iwassal biex il-pazjenti qed imorru kontinwament l-ispiżerija jistaqsu meta t-trattament tagħhom se jkun lest u f’ċertu każi dan it-trattament qed jitħassar minħabba lista twila ta’ stennija u nuqqas ta’ spazju.
L-MUMN saħqet ukoll li każi ġodda qed ikollhom jistennew mas-sitt ġimgħat biex jibdew jirċievu l-kimoterapija, filwaqt li pazjenti fil-waiting area tas-Swali tal-Onkoloġija f’dan l-Isptar qed jitħallew jistennew mis-7am sat-3pm biex it-trattament tal-kimoterapija tagħhom jasal mill-ispiżerija. Sessjonijiet oħra ta’ kimoterapija għal pazjenti matul il-ġimgħa qed jitħassru minħabba li l-ammont ta’ każi li jaqgħu lura fi tmiem il-ġimgħa qed iwasslu għal nuqqas ta’ sodod. L-MUMN qalet li din is-sitwazzjoni hi kkawżata minn nuqqas ta’ spiżjara u Pharmacy Technicians f’dan l-isptar, li qed jaħdem mingħajr Management.
L-MUMN fakrket li bħala union ilha titkellem dwar l-importanza li l-Isptar Boffa jkollu struttura maniġerjali awtonoma mill-Isptar Mater Dei, “liema struttura tkissret mill-Ministeru tas-Saħħa preċedenti bit-tneħħija tal-Kap Eżekuttiv li sal-lum għadu ma nbidilx”, saħqet l-MUMN, li kompliet li dan wassal biex illum ma teżistix kordinazzjoni bejn is-servizzi f’dan l-isptar żgħir. Il-union qalet ukoll li l-Konsulenti Mediċi tal-kliniċi qatt ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala amministraturi ta’ sptar, kif intqal fi stqarrijiet preċedenti tal-union, li sfortunatament waqgħu fuq widnejn torox.
“Din is-sitwazzjoni”, tkompli l-istqarrija tal-MUMN, “qed issarraf fi tbatija ta’ kuljum għall-pazjenti u n-nuqqas ta’ ħaddiema wasslet biex ir-rikostituzzjoni tal-kimoterapija mhix offruta fil-Ħdud u fil-Festi”. Għalhekk dawn is-servizzi qed jaqgħu lura tul il-ġimgħa u b’hekk l-isptar mhux jintuża bil-potenzjal kollu tiegħu, sostniet l-MUMN.
Intant fi stqarrija l-UHM ħabbret li wara serje ta’ laqgħat intlaħaq ftehim biex f’numru ta’ postijiet fid-Divizjoni tas-Saħħa, fosthom fl-Isptar Boffa, jiġu ngaġġati numru ta’ farmacisti u Pharmacy Technicians ġodda.
Il-UHM ġiet infurmata li mit-28 ta’ Mejju 2014, tliet farmacisti ġodda se jigu ngaġġati, tnejn minnhom fl-Isptar Boffa.
//= $special ?>