Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

LIVE mis-Sala tal-Għadd tal-Voti: Tibqa’ t-taqtiegħa għas-sitt siġġu

David Casa elett għat-tielet darba fil-Parlament Ewropew
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa kien elett fil-25 għadd. Dan wara li dan l-għadd ra l-eliminazzjoni u l-ftuħ tal-voti ta’ Ray Bugeja (PN). B’hekk, David Casa sar l-uniku MEP Malti li ġie elett f’kull elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’pajjiżna, fl-2004, fl-2009 u tas-Sibt li għadda.

Miriam Dalli eletta bħala t-tieni MEP Laburista.
It-23 għadd ra l-ftuħ tal-voti ta’ Lino Bianco (PL) wara li ġie eliminat għax kellu l-anqas ammont ta’ voti. Clint Camilleri (PL) wiret l-akbar sehem ta’ voti, u rċieva 7,000 vot. Ftit voti f’wirt minn dan l-għadd kienu biżżejjed biex l-eks ġurnalista tas-Super One u kandidata tal-PL Miriam Dalli ġiet eletta fil-Parlament Ewropew.

Jinstab pakkett b’36 vot mill-14-il għadd
Fit-tmien distrett, waqt li kienu qed jingħaddu l-voti ta’ Norman Vella fit-22 għadd, instab pakkett ta’ 36 vot. Dawn jirriżulta li ma ġewx magħduda fl-14-il għadd, wara l-eliminazzjoni ta’ Jonathan Shaw u Helga Ellul. Wara ftehim bejn iż-żewġ partiti, dawn baqgħu jingħaddu ma’ tat-22 għadd.

Kważi nofs il-voti ta’ Cassola mhux trasferibbli
Aktar minn 4,000 mid-9,240 vot li Arnold Cassola (AD) kellu qabel ma ġie eliminat spiċċaw ma kienux trasferibbli. Dan wassal biex il-PN jonqsu 3,880 vot biex jikseb it-tielet kwota, filwaqt li l-PL jonqsu 5,796 għar-raba’ kwota.

Telf ta’ voti mhux trasferibbli wara l-eliminazzjoni ta’ Charlon Gouder
L-20 għadd ra l-ftuħ tal-voti ta’ Charlon Gouder (PL) wara li ġie eliminat għax kellu l-anqas ammont ta’ voti. Dan irriżulta f’madwar 170 mill-voti li kellu Gouder u li baqgħu mhux trasferibbli għax il-preferenzi tal-votant tkun twaqqfet kmieni. Issa jmiss li jinfetħu l-voti ta’ Arnold Cassola (AD).

Cassola jaqbeż intopp ieħor … imissu jkun eliminat Charlon Gouder
Bid-19-il għadd jara t-tqassim tal-voti li kellha Deborah Schembri (PL), il-kandidat li fadal għall-AD Arnold Cassola rnexxielu jaqbeż intopp ieħor u jevita l-eliminazzjoni. Mhux l-istess xorti misset lill-kandidat Laburista Charlon Gouder, li b’madwar 50 vot anqas minn Cassola, issa ġie eliminat. Għalhekk, fl-għadd li jmiss se jinfetħu l-voti tiegħu. Sadanittant, wara d-19-il għadd, id-distakk bejn iż-żewġ partiti reġgħet infetħet ftit, biss issa l-PN jinsab b’776 aktar mill-PL. Dan hekk kif il-PN fadallu 6,805 għat-tielet kwota u l-PL fadallu 7,581 għar-raba’ kwota.

Wara t-tqassim tal-voti ta’ Norman Lowell
Bit-tlestija tat-18-il għadd, li fisser il-ftuħ tal-voti li kiseb Norman Lowell (Imperium Europa), id-differenza bejn il-PN u l-PL issa niżlet għal 321 vot favur il-PN. Dan ifisser li l-PN jinsab 6877-il vot bogħod mit-tielet kwota, filwaqt li l-PL jinsab 7,196 bogħod milli jikseb ir-raba’ kwota.

Il-Kap tal-PN jitkellem mal-ġurnalisti
Tard dalgħodu, il-Kap tal-PN Simon Busuttil kellem lill-ġurnalisti wara żjara li għamel fis-Sala tal-Għadd tal-Voti.

Jibda jinfetaħ il-wirt ta’ Norman Lowell
Fis-17-il għadd, qed jitqassmu l-voti ta’ Norman Lowell (Imperium Europa). Lowell temm il-proċess tiegħu b’7,335 vot u wara jista’ jmiss li jinfetħu l-voti ta’ Arnold Cassola (AD), li s’issa kiseb madwar 8,085 vot. Fejn imorru dawn il-boti jista’ jkun determinanti jekk il-PN jieħux it-tielet siġġu jew jekk il-PL iżommx ir-raba’ wieħed. Filwaqt li l-PN jinsab madwar 7,900 vot ‘il bogħod mit-tielet kwota, il-PL jinsab 9,100 vot ‘il bogħod mir-raba’ kwota. Għaldaqstant, id-differenza bejn iż-żewġ partiti naqset għal madwar 1,200 vot mill-madwar 2,300 kif kienet fil-bidu tal-proċess tal-għadd.

L-attenzjoni ddur lejn liema partit se jirbaħ is-sitt siġġu
Hekk kif il-proċess tal-għadd ilu għaddej diġà jumejn, għadhom ġew eletti biss żewġ MEPs: Alfred Sant u Roberta Metsola. Wara dawn, hemm numru ta’ kandidati oħrajn, taż-żewġ partiti prinċipali li bil-mod il-mod qed iżidu fil-voti tagħhom ma’ kull għadd, u kulma jmur qed joqorbu lejn il-kwota. L-eqreb f’isem il-PL huma Miriam Dalli, li issa qabzet it-28,000 vot u Marlene Mizzi bi ftit aktar minn 18,000 vot. L-eqreb kandidat lejhom hu Clint Camilleri b’14,500. Għall-PN, fuq nett tal-lista wara David Casa b’madwar 22,900 vot, hemm Francis Zammit Dimech b’10,900 vot segwit minn Therese Comodini Cachia bi ftit anqas minn 10,600 u Ray Bugeja ftit biss warajha b’10,100.

Iżda l-akbar attenzjoni ta’ kulħadd bħalissa hi fuq fejn se jmur is-sitt siġġu, hekk kif l-affarijiet jibdew jiċċaraw u hu mistenni li matul il-ġurnata, aktar ma jimxi l-proċess tal-għadd, aktar jikbru l-indikazzjonijiet liema partit se jieħdu. Bħalissa, hekk kif tlesta s-17-il għadd, il-PN jonqsu madwar 7,900 vot għat-tielet siġġu, filwaqt li l-PL għandu 3.7 kwoti u biex itella’ r-raba’ wieħed jonqsu ftit aktar minn 9,100 vot. Dan ifisser li d-distakk bejn iż-żewġ partiti naqas minn kif kien fil-bidu, minn 2,300 ghal madwar 1,220.

Għalhekk, is-sigħat li ġejjin mistennija jkunu kruċjali hekk kif wara t-tqassim tas-surplus ta’ voti ta’ Roberta Metsola, imiss jiġu eliminati Norman Lowell (Imperium Europa) umbagħad Arnold Cassola (AD).